Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Proposta għal aktar protezzjoni lill-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, Sigurtà u Infurzar tal-Liġi permezz ta’ ħatra ta’ Kummissarju Parlamentari

Nhar it-Tnejn 16 ta’ Marzu t-Taqsima li tirrappreżenta lill-ħaddiema fis-settur tas-sigurtà fi ħdan il-General Workers’ Union flimkien ma’ trejd unjins oħra kienet mistiedna għal-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri li ttellgħet fi proprjetà tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far bit-tema tas-sigurtà f’pajjna. Fl-intervent tagħna kien hemm qbil unanimu bejn l-unjins kollha dwar kemm hu b’saħħtu d-djalogu soċjali bejn il-Gvern u t-trejd unjins, kif ukoll dwar it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol permezz ta’ diversi ftehim kollettivi u/jew settorjali li ġew negozjati u ffirmati fl-aħħar snin.

Is-Segretarju Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-General Workers’ Union Theo Vella fakkar kif qabel Frar 2015 mhux biss il-ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati ma kellhomx dritt jorganizzaw ruħhom fi trejd unjin, iżda saħansitra kien reat kontra d-dixxiplina li tkun sempliċiment membru fi trejd unjin.

Qasam ukoll esperjenzi, fejn fil-passat meta ħaddiema fil-Korpi Dixxiplinati kienu jipprovaw imorru b’suġġerimenti u proposti, ir-reazzjoni kienet tkun waħda ostili, b’rikatti li jekk jitkellmu kien hemm ċans li jitneħħilhom il-privileġġ ta’ 25 sena servizz.

“Illum mhux biss żammejna l-istess privileġġ, iżda l-unjins flimkien mal-Gvern irnexxilhom jinnegozjaw u jaslu għal qbil dwar żewġ ftehim kollettivi / settorjali f’kull Korp tad-Dixxiplina, b’dak tal-Protezzjoni Ċivili li wasal fi stadju avvanzat ħafna,” qal Vella.

Żied jgħid li minkejja s-suċċess bla preċedent fejn tidħol rinumerazzjoni tal-pagi, ma jfissirx li m’hemmx aktar xogħol xi jsir. Sitwazzjoni komuni ħafna li jgħaddu minnha ħaddiema fis-settur tas-sigurtà u infurzar tal-liġi hija allegazzjonijiet bla bażi u attakki fuq l-integrità ta’ dawn l-istess ħaddiema.

“Huwa minnu li dawn il-ħaddiema jkollhom ċirkostanzi fejn in-natura tax-xogħol tagħhom mhux dejjem jidhru sbieħ mal-pubbliku, dan huwa ovvju għax ħadd ma jieħu gost jiġi mħarrek meta jkunu nkisru xi regolamenti jew xi liġijiet. Iżda għandna realtà li ilna niffaċjaw għal snin twal, fejn ħaddiema f’dawn is-setturi ġew trasferiti inġustament, għaddew minn dixxiplina bla ma kien hemm provi u saħansitra tressqu kriminalment il-Qorti minkejja nuqqas ta’ evidenza,” qal is-Segretarju tat-Taqsima.

Qal li ħadd mhu jippretendi li jekk dawn il-ħaddiema jabbużaw mill-irwol tagħhom ma jkunux investigati u jekk hemm evidenza b’saħħitha jgħaddu minn proċeduri, iżda li jgħaddu minn martirju, ma jinstabux ħatja u jibqgħu jbatu l-konsegwenzi, kemm finanzjarji, kif ukoll tittappnilhom ir-reputazzjoni u l-integrità tagħhom mhux sew.

“Mingħajr ma nidħol f’każi partikolari, dan qed isir aktar komuni minn meta l-midja soċjali saret arma li qed tintuża sabiex tkisser lin-nies. Sfortunatament hawn sezzjoni żgħira fis-soċjetà li kulma jinteressaha hi li tkisser lil ħaddieħor u fil-mira ta’ dawn l-attakki jkun hemm ukoll ħaddiema fis-settur tas-sigurtà u infurzar tal-liġi.”

Żied li għaldaqstant, qed ikun propost li jinħatar Kummissarju Parlamentari għall-Ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati, Sigurtà u Infuzar tal-Liġi li għandu jkun aġent indipendenti tal-Parlament, maħtur biex jaġixxi bħala ‘tarka’ għall-uffiċjali kollha tas-setturi rispettivi u jissalvagwardja d-drittijiet kostituzzjonali tagħhom. Huwa jissorvelja t-tmexxija interna, jinvestiga ilmenti, u jirrappurta kull sena lill-Parlament, kif ukoll jaġixxi bħala kontrollur fuq is-setturi kollha msemmija.

“Il-kunċett diġà ilu jitħaddem fil-Ġermanja għal diversi snin u riċentament daħal ukoll fir-Renju Unit. L-uffiċċju tal-

Kummissarju għandu jkun imwaqqaf biex jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema fis-setturi rispettivi u biex jipprevjeni li l-istess Korpi jsiru ‘stat fi ħdan stat’,” temm jgħid Theo Vella.