Written by Economy, News, Politics, Technology, Trade, World and Chronicle

Il-GWU, l-akbar trejdunjin fil-pajjiż, tiċċelebra 81 sena

Il-ħamsa ta’ Ottubru hu Jum il-General Workers’ Union, għax proprju f’din il-ġurnata fl-1943 kienet twaqqfet minn grupp ta’ ħaddiema mpjegati mas-Servizzi Ingliżi.

Dak iż-żmien Reggie Miller, li kien jaħdem bħala skrivan it-Tarzna, li kienet għadha mmexxija mill-Ingliżi, ikkonvinċa lil grupp żgħir ta’ ħaddiema biex iwaqqfu unjin ġenerali b’saħħitha li tiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema fil-gżejjer tagħna.

L-ewwel laqgħa kienet inżammet f’Marzu tal-1943 fejn kienu attendew numru ta’ ħaddiema li, minn fosthom, inħatar kumitat interim li kellu jaħdem fuq l-istatut tal-unjin. Minn hemmhekk il-General Workers’ Union baqgħet taħdem bla heda biex tikseb drittijiet ġodda għall-ħaddiema. B’hekk Reggie Miller kien il-fundatur ewlieni ta’ dik li żviluppat fl-akbar unjin f’pajjiżna.

Dwar dan l-anniversarju importanti, tkellimna u ħadna r-reazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja.

“Illum qed niċċelebraw il-81 sena mit-twaqqif tal-GWU, fejn kull sena nagħmlu riflessjoni dwar l-aħħar snin u fejn irridu nħarsu ‘il quddiem u l-irwol ta’ trade unjoniżmu għax aħna finalment dik hija l-ħajja tagħna li niddefendu dak li ksibna matul dawn iż-żmien, filwaqt li niġġeneraw u nkunu proattivi biex naraw xi rridu għall-ħaddiema kollha biex jimxu ‘il quddiem.”