Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Bniedem li ħabb lill-ħaddiem u lil Malta matul ħajtu kollha

L-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU sellmet il-memorja ta’ Tony Zarb li ddeskrivietu bħala bniedem li ħabb lill-ħaddiem u lil Malta matul ħajtu kollha.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li fuq bażi personali huwa tilef ħabib. Qal: “Lil Tony Zarb ili nafu żmien twil. Professjonalment, tgħallimt ħafna mingħandu anke dwar negozjati li rajt isiru. Tlift ħabib li trabbejt u kbirt miegħu.” 

Bugeja qal li l-ħaddiema tilfu trejdunjonista li ta qalbu għalihom kontinwament. Huwa rrefera wkoll għall-kisbiet li għamlet il-GWU fejn is-Sur Zarb kien fuq quddiem nett biex jara li jkunu salvagwardjati d-drittijiet tal-ħaddiema, anke fi żminijiet diffiċli.  

“Ninsabu xxukkjati u bla kliem. Nagħti l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. Tlifna pilastru fil-GWU. Tony Zarb kien bniedem li ħabb il-ħaddiem u lil Malta tul ħajtu kollha,” temm jgħid is-Sur Bugeja. 

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri qal li s-Sur Zarb jibqa’ ikona fejn jidħol il-GWU u l-ħidma tiegħu fil-qasam trejdunjonistiku kienet waħda twila u siewja ħafna. 

“Tony Zarb huwa sinonimu mal-progress soċjo-ekonomiku li sar fil-pajjiż kemm dam fil-pożizzjoni ta’ Segretarju Ġenerali tal-GWU. Bħala amministrazzjoni, qed inkomplu nibnu fuq it-tajjeb li għamel is-Sur Zarb,” qal Camilleri li ddeskrivieh bħala “raġel kbir.”

Il-President tal-General Workers’ Union Victor Carachi qalilna li għalih mhix biss telfa ta’ ħabib għax kien jistmah bħala ħuh il-kbir. Fakkar lil Zarb għall-imħabba tiegħu lejn il-ħaddiem, il-familja tiegħu u lejn il-GWU li għalih kienet bħala t-tieni dar tiegħu.