L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ddefinixxa l-ftehim kollettiv li ntlaħaq fir-rigward tal-ħaddiema tal-Parlament bħala “Ftehim li jagħti nifs qawwi lil kull min jaħdem hawnhekk”. Dan qalu waqt ċerimonja li saret wara nofsinhar fil-Parlament fejn kemm l-Ispeaker kif ukoll is-Segretarju għat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU, Kendrick Bondin, flimkien mal-Iskrivan tal-Kamra, is-Sur Raymond Scicluna, l-Assistent Segretarju s-Sur George Zahra ir-rappreżentanti tal-ħaddiema s-Sa Claudine Parnis u s-Sur Stephen Grech ingħaqdu flimkien u ppreżentaw it-tielet ftehim kollettiv iffirmat minn din is-Sezzjoni għal din is-sena. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU s-Sur Josef Bugeja.
Bondin saħaq li dan hu t-tielet ftehim kollettiv li t-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi ġewwa l-GWU ffirmat għal dis-sena. Kompla jgħid ukoll li kemm għal din l-entità kif ukoll għalihom bħala GWU, dan il-ftehim huwa importanti ħafna. Bondin tkellem dwar il-ħidma li kien hemm bżonn mingħandhom kif ukoll mingħand il-membri tagħhom sabiex setgħu jiksbu l-għanijiet mixtieqa.
Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv huma setgħu jippreżentaw il-proposti tal-ħaddiema. Dan il-ftehim jinkludi li l-ħaddiema tal-Parlament:
• Ikollhom aktar flessibiltà fil-ħinijiet tal-post tax-xogħol.
• Jingħataw salarji aħjar.
• Jingħataw allowances li jirrappreżentaw il-ħidmiet tagħhom, it-taħriġ li jridu jagħmlu u l-ivvjaġġar lejn Brussell.
Is-Segretarju għat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi rringrazzja lill-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU għas-sapport tagħha, l-Assistent Segretarju George Zahra f’din it-taqsima, u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema, Claudine Parnis (shop steward) u Stephen Grech (assistant shop steward), kif ukoll lill-ħaddiema membri li wrew fiduċja fil-GWU. Ma naqasx milli jirringrazzja wkoll lill-Ispeaker tal-Parlament, lill-Clerk of House u lid-direttura li kienu f’dawn it-taħditiet sabiex intlaħqu l-għanijiet mixtieqa.
Bondin qal li dan “Huwa ftehim kollettiv li bil-ħidma ta’ kulħadd, ħidma professjonali, tagħti l-frott tagħha”.
F’kummenti li tat Parnis lil dan is-sit, hija rringrazzjat lill-Unjin u lill-management tal-Parlament talli rnexxielhom iġibu ftehim kollettiv tajjeb għall-ħaddiema kollha. Hija saħqet li bħala rappreżentanti tal-ħaddiema, kemm hi kif ukoll Grech dejjem kienu preżenti fil-laqgħat tal-GWU. Fl-aħħar nett hija ma naqsitx milli tirrikonoxxi l-appoġġ li rċevew hi u Grech mingħand il-membri u rringrazzjathom tal-fiduċja li wrew fihom.