Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tiddikjara tilwima Industrijali ġewwa Heritage Malta

Il-GWU – Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi qed tirreġistra tilwima industrijali mal-Heritage Malta minħabba li l-ftehim kollettiv għall-impjegati qed jieħu wisq żmien biex jiġi ffinalizzat. Il-GWU qed tagħmel dan biex dawn il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet xierqa u biex tipproteġi d-drittijiet tal-membri tagħha ġewwa Heritage Malta.

Il-proċess tan-negozjar mexa ferm ʼil quddiem mill-klawsoli tal-ftehim kollettiv li ġie diskuss u maqbul iżda wara xhur li t-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi kienet talbet il-proposti finanzjarji biex in-negozjati jkunu jistgħu jkomplu, dan il-process tan-negozjar waqaf. Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi, qal li filwaqt li jirrikonoxxi l-ħidma tal-Management tal-Heritage Malta fid-diskussjonijiet, sfortunatament il-pakkett finanzjarju għadu ma ġiex preżentat mill-entitajiet ikkonċernati fin-negozjati.  

Huwa żied jgħid li t-Taqsima tirrikonoxxi wkoll, li l-membri tagħha ġewwa l- Heritage Malta għamlu diversi sagrifiċċji u wrew dedikazzjoni kbira fi żmien il-pandemija u kkoperaw bis-sħiħ mal-management sabiex jipproteġu lill-organizzazzjoni tagħhom.  Għaldaqstant, it-Taqsima msemmija temmen li l-membri tagħha għandhom ikunu rikonoxxuti tal-ħidma kontinwa tagħhom u għalhekk kellha tirreġistra din it-tilwima u mhux teskludi azzjonijiet industrijali jekk it-Taqsima tibqa’ mingħajr proposti finanzjarji.