Il-General Workers’ Union kisbet l-għarfien ewlieni tal-kumpanija Gold Guard Security Services Limited wara li proċess ta’ verifika kkonkluda li l-Union għandha l-maġġoranza tal-impjegati li jaħdmu bħala Uffiċjali tas-Sigurtà.
F’dawn l-aħħar jiem, il-GWU kienet informata mid-DIER li hija tgawdi l-appoġġ ta’ 68.42% tal-imsemmija impjegati u għalhekk għandha tingħata l-għarfien ewlieni fi ħdan il-kumpanija.
Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi Theo Vella qal li l-pass li jmiss huwa li jibdew isiru laqgħat kostruttivi bejn il-GWU u l-amministrazzjoni tal-kumpanija. L-Union kienet ġiet avviċinata minn numru ta’ ħaddiema fil-grad ta’ Uffiċjali tas-Sigurtà, fil-ġranet li ġejjin ser jissoktaw laqgħat mal-kumpanija sabiex jiġi negozjat ftehim kollettiv għall-ħaddiema.