Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

14,000 ħaddiem se jingħataw pagi ugwali għall-istess xogħol komparabbli mal-Gvern 

l-General Workers’ Union ħabbret kisba importanti għall-ħaddiema li jiġu ngaġġati mill-kuntratturi f’entitajiet tal-Gvern, li se twassal għal ftehim li jiggarantixxi ħlasijiet ugwali lilhom għall-istess xogħol li jsir mill-kollegi tagħhom fis-Servizz Pubbliku. 

Din il-miżura tikkonferma l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi dwar il-paga ugwali, li daħlet fis-seħħ f’Jannar 2025. 

Dwar dan tkellimna mas-Segretarju Ġenerali tal-istess unjin, Josef Bugeja. 

“Is-sena li għaddiet il-Gvern kien għadda liġi, meta kienet qed tiġi diskussa mal-imsieħba soċjali dwar l-equal pay for job of equal value, allura l-Gvern qed jimplimenta din fost il-ħaddiema li jagħtu s-servizz lill-amministazzjoni pubblika u l-enitajiet pubbliċi.” Josef Bugeja

Il-ftehim jinkludi struttura ta’ pagi għall-ħaddiema bil-livell MQF 2 u MQF 3, li bdiet tapplika minn din is-sena sal-2029.  

Il-ħaddiema se jibdew minn paga minima li tiżdied skont is-snin ta’ servizz u l-għadd ta’ sigħat reali tax-xogħol imwettaq. Dan filwaqt li se jkollom allowances u benefiċċji oħrajn. 

Quddiem din il-liġi, l-akbar trejdunjin f’pajjiżna kkonfermat l-impenn tagħha li tkompli tħares id-drittjiet u l-interessi tal-ħaddiema. 

“Qegħdin naqbdu kategorija, kategorija, niddiskuttu l-elementi li hemm, li għandhom jiġu aljenati biex ikunu komparabbli mal-Gvern. Issa qbadna fuq il-carers, ħa jkun hemm is-securities, ħa jkun hemm il-clerks, ħa jkun hemm il-cleaners. Din se taffettwa mal-14,000 persuna kollha, li se jiġu allineati mal-ħaddiema tal-Gvern, bl-istess kundizzjonijiet u komparabbli mal-Gvern.”  Josef Bugeja

Fi kliem Bugeja, dan il-ftehim jirrappreżenta pass sinifikanti lejn ġustizzja u ugwaljanza għall-ħaddiema fis-settur tal-kura, li għal snin twal kienu jiffaċċjaw disparitajiet fil-paga, minkejja li jagħmlu xogħol simili. 

“Ħa tkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur li se jkollhom dan l-element kollu u komparabbli ma’ tal-Gvern. Fl-istess waqt qed naraw li, bħala GWU, anke fil-privat, l-affarijiet, il-ħlasijiet, is-servizz li jingħata jkun komparabbli.” Josef Bugeja

Il-GWU saħqet li se tibqa’ tissorvelja l-implimentazzjoni biex jiġi żgurat li l-ebda ħaddiem ma jibqa’ lura.