Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Qegħdin hawn biex nagħmlu differenza fis-soċjetà u ħajjet il-ħaddiema u l-membri tal-GWU

Lil Josef Bugeja ħafna jafuh bħala s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, li b’unur ifakkar ta’ spiss li hija l-akbar trejd unjin f’Malta. Iltqajna miegħu biex niskopru aktar dwar il-kontribut kontinwu tiegħu u tal-kollegi tiegħu f’din it-trejd unjin għall-ġid tal-ħaddiema.

Hekk kif ta’ kull filgħodu jasal fil-binja tal-GWU, kif jgħid il-Malti, tinduna mill-ewwel li wasal… għax tisimgħu. Hija rutina tiegħu li jdur dawra mal-uffiċċji jsellem lill-ħaddiema, u ma jonqosx li jaqbad ma’ xi ħadd ukoll… iħobb jiġbed is-saqajn! Iżda hekk kif tlissen nofs ta’ kelma rigward it-trejd unjoniżmu jaqleb bħal swiċċ. Jaqbad jirraġuna u jispjega fid-dettall u fuq kollox b’passjoni, tal-punt… madankollu b’tali mod li jinftiehem minn kulħadd u jagħtik spjegazzjoni għal dak li jkun qed jingħad.

Il-GWU lbieraħ u llum. Inbidlet? U fiex inbidlet?

Bħala GWU, il-prinċipji, il-valuri tagħha baqgħu l-istess. Li tiddefendi lil dawk l-aktar vulnerabbli, il-persuni fil-faxxa l-baxxa tas-soċjetà tagħna, tgħin u tiddefendi l-imsieħba u ġġib ‘il quddiem l-aġenda tal-ħaddiema kollha, kemm dawk manwali u professjonisti.

Il-GWU għandha diversi rwoli fir-relazzjonijiet industrijali. Fuq livell azjendali t-Taqsimiet tal-GWU jmexxu ‘l quddiem it-talbiet u l-aspirazzjonijiet kollha tal-membri fil-postijiet tax-xogħol li jirrappreżentaw. Filwaqt li fuq livell nazzjonali l-GWU tieħu sehem b’mod attiv fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) u fil-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi (ERB) biex naqdu l-funzjoni tagħna bħala sħab soċjali u nkunu attivi biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-membri tagħna u tas-soċjetà in ġenerali. Filwaqt li fl-MCESD nressqu politika nazzjonali fl-ERB, niddiskutu u nressqu proposti dwar titjieb fil-liġijiet ta’ xogħol. Bħala eżempju nista’ nsemmi kif 15-il ġurnata ilu ressaqna proposta biex ikun hemm diskussjoni fi ħdan l-MCESD biex naraw x’se nagħmlu b’mod konkret minħabba s-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

Huwa inutli li wara kull mewt noħorġu ngħidu kemm qed jiddispjaċina għal dan il-ħaddiem. Ħadd, l-ebda ħaddiem ma għandu jmur għax-xogħol biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum u jħalli ħajtu hemmhekk. Ma jistax ikun. Is-saħħa u s-sigurtà trid tkun predominanti f’kull post tax-xogħol u fejn aħna organizzati (jiġifieri huma membri fi trejd unjin), bħala GWU naraw li din tkun, perὸ hemm nuqqas ta’ dixxiplina f’diversi postijiet tax-xogħol li mhumiex organizzati (ma humiex membri fl-ebda trejd unjin). Aħna f’pajjiżna ma teżistix din il-kultura, parti min-nuqqas ġej mill-infurzar perὸ mhux tajjeb li nwaħħlu biss fl-infurzar, hekk kif ħafna nies kemm ħaddiema u anke min iħaddem ma jemminx fil-ħtieġa tal-importanza tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

Fuq livell Ewropew il-GWU għandha r-rwol importanti, dak fi ħdan il-European Trade Union Confederation (ETUC), li tiddiskuti diversi direttivi li jkunu qegħdin isiru biex inressqu d-drittijiet tal-ħaddiema tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex jiġu protetti u inklużi fi kwalunkwe direttiva. Barra minn hekk aħna nressqu l-drittijiet tal-ħaddiema Maltin biex jiġu protetti u msaħħa.

Pereżempju bħalissa qed niddiskutu d-direttiva dwar il-platform workers, dwar il-governanza u t-trasparenza fis-supply chains, iddiskutejna d-direttiva dwar il-paga minima u ressaqna emendi li ġew diskussi aktar tard bejn il-Kummissjoni u l-Parlament biex jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema Maltin. Din hija biss parti mill-ħidma li nagħmlu bħalha tim wieħed, amministrazzjoni, segretarji, uffiċjali u shop stewards Suġġetti marbutin direttament mal-postijiet tax-xogħol tagħna.

F’dawn id-diskussjonijiet, minkejja ċ-ċokon tagħna naraw li fil-qafas Ewropew i l-mod tad-direttiva tkun tkopri wkoll il-ħaddiema Maltin.

Illum il-mod kif taħdem il-GWU nbidel, ġie modernizzat, madankollu l-prinċipji u l-valuri tagħna li ħaddanna dejjem baqgħu li kienu. Inbidlet b’tali mod u manjiera li tilqa’ kemm għall-azjendi fostna, fil-fatt kabbarna t-taqsimiet biex noffru servizzi aktar speċjalizzati, kif ukoll fil-ħidma Ewropea, permezz ta’ segretarju speċifikat fuq xogħol internazzjonali biex ikun f’kuntatt kontinwu ma’ barra. Fil-fatt barra li kull segretarju jieħu sehem f’djalogu soċjali f’livell Ewropew, għandna Segretarju Internazzjonali li jieħu sehem fil-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Xogħol li kien isir qabel xorta waħda mill-GWU iżda mhux fi skala kbira daqshekk.

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Hawnhekk is-Sur Bugeja ħareġ ktejjeb mill-basket, u stqarr li jkun fejn ikun hu, dan il-ktejjeb fejn fih hemm imniżżel it-twemmin tal-GWU, ikun miegħu. Fih issib il-filosofija tal-GWU – għalfejn u x’inhi l-GWU, dwar il-ħaddiema fis-soċjetà, il-pensjonijiet…

Il-GWU dejjem kienet avant garde f’dak li tagħmel u llum il-ġurnata għadna l-istess. F’sens li nressqu proposti li meta nressquhom jkun hemm min joħodha kontrina… saħansitra jgħajjarna, madankollu ż-żmien malajr jagħtina raġun. Bħal per eżempju meta konna tkellimna dwar il-prekarjat, u issa fil-każ tal-platform workers. Ilna sentejn u nofs nisħqu fuqha. Illum għandna standard nazzjonali li jirregola dan is-settur u jaghħti drittijeit u dinjità lil dawn il-ħaddiema li ħafna minnhom ġejjin minn pajjiżi terzi. Il-GWU mbuttat kemm felħet dwarha. Saħanistra konna ressaqna proposti konkreti dwar kif tista’ ssir.

Fl-aħħar kungress il-GWU ressqet proposta biex kull ħaddiem ikun membru f’unjin tal-għażla tiegħu. X’qed tfissru b’dan u għaliex qed tisħqu fuqha?

Hija proposta li ressaqna aħna. Fiż-żmien meta ressaqniha l-partiti politiċi kienu jaqblu magħha. Matul dan iż-mien bqajna nisħqu fuqha. Anke preżentazzjoni għamilna fl-MCESD. L-għan mhux biex inżidu l-membri jew id-dħul tagħna iżda biex naraw li l-ħidma ta’ kull ħaddiem tkun apprezzata, dinjituża u korretta. Dan qed nagħmluh biex inressqu ‘l quddiem l-interessi u aspirazzjonijiet tal-ħaddiema kollha. Hawn diversi ħaddiema li huma żvantaġġjati u abbużati. Nuqqas ta’ ħarsien ta’ regolamenti ta’ saħħa u sigurtà fil-post tax-xogħol, nuqqas ta’ għoti ta’ dak dovut, Dan narawh f’diversi postijiet tax-xogħol mhux organizzati. Skont studju li sar snin ilu kien juri li eluf ta’ ħaddiema jiċċaħdu milli jissieħbu fi trejd unjin. Huwa mpossibbli li jsir infurzar tal-liġijiet fuq min iħaddem meta hawn madwar 280,000 ħaddiem. L-unika soluzzjoni hija li kull meta wieħed jidħol jaħdem b’mod awtomatiku jissieħeb fi trejd unjin tal-għażla tiegħu. Illum il-ġurnata naħdmu bħalha sħab soċjali fejn ikunu organizzati biex flimkien ma’ min iħaddem fuq il-postijiet tax-xogħol naħdmu biex inżidu l-kompetittività, effiċjenza, intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-individwi u nnaqqsu l-abbużi u l-aċċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol. Meta nikkomparahom ma’ postijiet tax-xogħol li mhumiex organizzati bilfors inħoss il-ħtieġa li nimbotta li kulħadd ikun membru fi trejd unjin. Ħafna huma dawk li ma jaqblux għax kemm il-Konvenzjoni Ewropea kif ukoll il-Kostituzzjoni ta’ Malta jagħtuk id-dritt tal-assoċjazzjoni u għalhekk awtomatikament id-dritt li ma tisseħibx. Mir-riċerka li għamilna aħna tista’ ssir basta mhux timponi trejd unjin.

Meta tara l-abbużi li jseħħu tweġġa’, aktar u aktar meta impjegati jgħidulek li meta bdew jitkellmu biex jidħlu f’unjin, min iħaddimhom qalilhom li min jidħol jitkeċċa. Rajna kuntratti fejn jgħidu b’mod speċifiku li ma tistax tissieħeb fl-ebda trejd unjin. Dan huwa abbuż sfaċċat. Hemm bżonn li tinbidel il-kultura. Pajjiżi Nordiċi għandhom mudell fejn il-ħaddiema kollha huma membri u t-trejd unjins għandhom funzjoni aktar wiesgħa.

Eżempju ieħor huwa li meta nagħmlu ftehim kollettiv ma nagħmlux distinzjoni bejn ħaddiem membru u dak li mhux. Aħna nemmnu li l-bażi għandu jkun il-valur tax-xogħol, irrelevanti min jagħmlu . Għalhekk issib ħaddiema li ma jidħlux fi trejd unjin iżda jgawdu mill-istess benefiċċji. Din hija raġuni oħra għala rridu li kull ħaddiem ikun membru fi trejd unjin.


Anke fuq livell ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Jekk tara l-ammonti ta’ inċidenti f’postijiet tax-xogħol li huma organizzati u dawk li mhumiex issib li n-numru huwa kbir fost dawk li mhumiex organizzati. Dan apparti li hemm ħtieġa kbira ta’ edukazzjoni u infurzar kemm fuq l-impjegati u kemm fuq min iħaddem.

Hemm xi setturi oħra li qed tiffokaw fuqhom?

L-istess ħidma li għamilna lura fiż-żmien biex nirregolarizzaw il-ħaddiema tal-kuntrattur qegħdin nagħmluha issa fil-każ tal-platform workers. Ħaddiema li la kellhom kundizzjoniet tax-xogħol, la kellhom bonuses, la sick leave… xejn, lanqas kienu kkunsidrati ħaddiema. Ma kellhom l-ebda benefiċċju li toffri l-liġi. Illum wara pressjoni li għamilna, l-Gvern ressaq liġi biex dawk kollha li jagħmlu dan ix-xogħol jibdew igawdu mil-liġi tax-xogħol. Iżda mhux se nieqfu hawn. L-għan tagħna huwa li ndaħħlu lil dawn il-ħaddiema u nagħmlu ftehim kollettiv għalihom. Il-ħidma tagħna mhux li nwaqqfu l-bidla fid-dinja tax-xogħol iżda li naghtu wiċċ uman lil din il-bidla. L-għan huwa li noħolqu dinja ta’ xogħol fejn fiċ-ċentru hemm il-ħaddiem.

Settur ieħor li kull segretarju qed jaħdem fuqu huwa dak tal-ħaddiema tal-kuntrattur. Aħna nemmnu u anke l-isħab soċjali l-oħra jemmnu u jaqblu li l-valur tal-paga huwa marbut mal-valur tax-xogħol. Dan ifisser li kull ħaddiem għandu jitħallas l-istess, irrilevanti min qed iħaddem. Dan jista’ jsir billi ssir emenda fil-liġi biex dan id-dritt jkun jgħodd għalkull post tax-xogħol mhux ma’ kull min iħaddem. Din il-ħidma trid tibqa’ ssir favur il-ħaddiema tal-kuntrattur sakemm nilħqu l-għan tagħna.

Kif qatt nistgħu naċċettaw il-fatt li jkollok persuna taħdem fuq magna mpjegata direttament mal-post tax-xogħol u oħra ħdejha mpjegata mal-kuntrattur b’paga inqas, saħansitra 50% inqas, apparti nuqqas ta’ benefiċċji oħrajn. Kif nista’ naċċetta dal-fatt?

Ir-regolamenti tas-suq qed jiġu abbużati biex dawn il-ħaddiema tal-kuntrattur jiġu mċaħħda mill-istess kundizzjonijiet ta’ sħabhom. Dan filwaqt li dawn il-ħaddiema suppost ikunu qegħdin hemm b’mod temporanju biss u mhux permanenti. Hemm ħaddiema li ilhom fl-istess post tax-xogħol snin kbar. Dan kollu biex min iħaddem jiffranka l-flus u jċaħħad mill-benefiċċji lill-ħaddiema skont il-ftehim kollettiv tal-post. Dal-fatt joħloq dimotivazzjoni kbira fost il-ħaddiema tal-kuntrattur apparti li ma jħossuhomx jagħmlu parti mill-post tax-xogħol.

Sitwazzjoni li tista’ tissolva biss jew permezz ta’ ħlas indaqs permezz ta’ emenda fil-liġi fejn il-kelma ‘min iħaddem’ tiġi ‘organizzazzjoni li tħaddem’ jew inkella l-postijiet tax-xogħol jiġu limitati kemm jistgħu jħaddmu ħaddiema tal-kuntrattur.

Il-proposti tal-GWU għall-Baġit… x’kienu?

Jekk qegħdin naħsbu dwar id-dinja ġdida tax-xogħol ma rridux nibqgħu naħsbu kif konna naħsbu qabel. Irridu naħsbu outside of the box biex naraw soluzzjonijiet oħrajn. Irridu nibdew nesploraw.

Bħala GWU, waħda mis-sħab soċjali, id-direzzjoni tagħna, anke jekk nirċievu kritika, hija li nissalvagwardjaw il-postijiet tax-xogħol.

Fost il-proposti tal-Baġit issuġġerejna li jkun hemm forom ġodda ta’ metodi kif persuna taħdem, bħal remote working, teleworking, flessibilità fil-ħinijiet. Proposti li għandhom jiġu diskussi.
Jekk qabel kellna postijiet tax-xogħol li kienu riġidi fl-istruttura tagħhom, mill-Covid-19 ‘l hawn inbidlu. Illum hawn ħafna postijiet tax-xoghol li baqgħu bl-opzjonijiet li taħdem mid-dar u minn fuq il-post tax-xogħol.

Wara l-pandemija nemmnu li s-sistema tax-xogħol għandha tkun waħda hybrid biex tgħin lil kulħadd u tagħti ċerta flessibilità. Waqt il-pandemija rajna li l-bniedem m’għandux jinqata’ waħdu d-dar, fis-solitudni. Is-saħħa mentali affettwat tant nies, apparti li dak li jkun ikompli jżomm ruħu u jintegra ruħu fis-soċjetà.

Proposta oħra hija jekk wasalx iż-żmien li nibdew nikkalkulaw fuq il-ħin jew ix-xogħol. Dan ifisser li nkejlu 40 siegħa ta’ xogħol jew inkejlu l-ħidma li ssir fil-post ta’ xogħol. Dak li kien isir qabel il-pandemija illum ma għadux jgħodd. Nemmnu li għandna nibdew nikkalkulaw il-ħidma tal-bniedem fuq l-affarijiet li jagħmel, basta jkunu ta’ kwalità.

Issuġġerejna wkoll li fejn ikun possibbli jkun hemm xift ta’ 10 sigħat, jiġifieri 4 ijiem ta’ xogħol. Idea li tista’ ssir mingħajr ma niksru l-ebda regola. Kien hemm min ma jaqbilx minħabba l-familja, speċjalment minħabba t-tfal. Madankollu kien hemm min qabel u jippreferi li jaħdem 4 ijiem u fl-aħħar tal-ġimgħa jkollu 3 ijiem ma jaħdimx. B’hekk hemm bżonn ta’ diskussjonijiet biex fejn hu possibli tkun tista’ ssir, anke b’mod hybrid. Permezz ta’ dawn il-proposti rridu nsibu soluzzjoni.
Dawn huma proposti li jistgħu jintegraw aħjar il-ħajja tagħna fuq il-postijiet tax-xogħol mal-ħajja privata tagħna mingħajr ma jipperikolaw il-postijiet tax-xogħol.

L-akbar proposta li kellna kienet li l-Gvern jibqa’ jassorbi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, fuel u ċereali. Is-sussidji huma maħsuba biex jipproteġu lill-konsumaturi billi jżommu l-prezzijiet baxxi. Filwaqt li aħna qbilna mill-ewwel mal-pożizzjoni li adotta l-Gvern,nemmnu li din il-politika, filwaqt li tiswa ħafna flus, hija fundamentali biex jiġi żgurat it-tkabbir ekonomiku u tiġi miġġielda aktar inflazzjoni.

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Tħoss li hemm kompetizzjoni bejn l-unjins differenti f’Malta?

Bħal kull kwalunkwe post tax-xogħol hemm kompetizzjoni, madankollu mhijiex tip ta’ kompetizzjoni fejn noqogħdu nagħmlu l-bsaten fir-roti lil xulxin. Hekk kif is-suq tax-xogħol tant hu kbir li għandna fejn nimirħu mingħajr ma nagħmlu ħsara lil xulxin. Il-kompetizzjoni li teżisti bejnietna hi min se jagħti l-aqwa servizz.

Prova ta’ dan hija l-proposta tal-concertina (id-differenza bejn is-salarju ta’ fuq u dak ta’ isfel) u r-relattività bejn il-pagi. Din tressqet mill-erba’ konfederazzjonijiet wara diskussjoni bejnietna. Ersaqna flimkien quddiem il-Ministru tal-Finanzi, tkellimna miegħu u dan aċċetta.

L-inkwiet u dieqa li jkolli huwa ta’ dawk il– 5% tal-ħaddiema li kienu intervistati fi stħarriġ li sar minn organizzazzjoni indipendentiu qalu li jixtiequ jissieħbu ma’ trejd unjin iżda min iħaddimhom ma ħallihomx.

Illum il-ġurnata bħal kull settur ieħor, is-settur tar-relazzjonijiet industrijali mmodernizza, kulħadd immatura… anzi niġu kkritikati li ma ninżlux fit-toroq biex insibu s-soluzzjonijiet. Illum inpoġġu mal-mejda flimkien ma’ min iħaddem, insibu s-soluzzjonijiet flimkien u nimplimentawhom flimkien. Wara kollox nafu li aħna u min iħaddem irridu ngħixu flimkien bħala sħab soċjali. Nafu li ħafna mill-valuri/għanijiet u l-prinċipji huma allinejati. Infatti noħorġu ħafna proposti flimkien. Inħossni kburi ħafna li bħala GWU nressqu l-aġenda li tkun ġejja mill-membri, li tibqa’ tiela’ ‘l fuq, u tibda tara organizzazzjonijiet oħrajn jaqblu mal-viżjoni li qed tara inti. Iġiegħlek tibqa’ sejjer f’dik it-triq.

Pereżempju dan l-aħħar ressaqna proposti flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ dwar l-anzjanità attiva u dwar il-pensjonijiet biex kulħadd ikollu dħul diċenti.

Il-GWU xi sfidi qed taffaċċja u xi proġetti wettqet dan l-aħħar u qed twettaq?
Hemm ħafna. Nibda billi nsemmi l-ammont ta’ ftehim kollettivi, madwar 38, li rnexxielna nagħlqu dis-sena, b’żidiet sostanzjali, anke f’sitwazzjoni kritika, ta’ kriżi internazzjonali ta’ gwerra li ġabet l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna, li ħolqot problemi kbar wara sentejn ta’ pandemija.

Jien nemmen fil-mudell ta’ relazzjonijiet industrijali li għandna Malta u nemmen ukoll li huwa wieħed mill-aqwa fl-Ewropa. Meta qed nitkellmu dwar żieda fil-ftehim kollettivi qed nitkellmu dwar l-effiċjenza u l-kompetittività tal-post tax-xogħol.
Għamilna kampanja sħiħa dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma biex jingħataw id-drittijiet tagħhom. Tkellimna fuq il-midja, ressaqna l-proposti tagħna, tkellimna mal-Gvern, ma’ sħab soċjali oħrajn. Kulħadd beda jara li l-mudell eżistenti ma kienx qed jagħmel sens għax jagħmel ħsara lil min isegwi r-regolamenti.

Meta ġejt elett jien stqarrejt li bħalha Union qegħdin f’dil-pożizzjoni biex nagħmlu differenza fis-soċjetà u ħajjet il-ħaddiema u l-membri tagħna. Mela qatt ma nistgħu naċċettaw fatt li ħaddiem jipperikola ħajtu, hekk kif jaħdem b’ġirja kontra l-ħin, biex jaqla’ l-paga tiegħu. Ma nistax naċċetta li fis-soċjetà tagħna taħt il-frażi “forom ġodda ta’ xogħol” ikollok persuna li lanqas tingħata leave, sick, bonuses, allowances. Ma tingħatax dak li hu bażiku, li ħaddieħor igawdi minnhom.

Ressaqna l-proposti tagħna quddiem l-Employers’ Relations Board u quddiem il-Gvern. Proposti li ġew aċċettati, li rajna li se jiġu implimentati mill-aktar fis biex dawn il-ħaddiema jimxu ‘l quddiem.

Proġett kontinwu li għamilna u għadna għaddejjin bih huwa dwar l-abbuż fuq ħaddiema barranin. Fejn aħna organizzati ma hemm l-ebda problema għax meta ħaddiem jidħol irid ikun jagħmel parti mill-ftehim kollettiv. Iżda fejn m’aħniex organizzati ma nkunux nafu eżattament x’ikun qed jiġri, għax ma jkollnix aċċess. Madankollu xorta waħda nagħmlu outreach programmes biex naraw kif nistgħu ngħinuhom, niffaċilitawlhom il-proċess burokratiku dwar l-applikazzjonijiet tagħhom u naraw li mali ma jiġux abbużati.

Il-GWU għadha kemm lestiet studju fuq bażi xjentifika dwar in-National Living Income biex jintuża bħala proposta għal aktar diskussjonijiet biex nelevaw lill-ħaddiema mill-faqar

L-ewwel tajna definizzjoni ta’ x’inhi u x’jiddefinixxi l-Living Income. Daħħalna diversi kategoriji bħas-saħħa, l-ikel u x-xorb, il-housing, l-edukazzjoni, it-trasport, il-leisure, u miscellaneous (eż. jekk tinqalagħlek ħsara f’xi apparat id-dar). Skont il-kategorija tal-household rajna l-ispejjeż tagħhom u awtomatikament ħriġna kemm għandu jkun id-dħul li għandhom bżonn.

Issa se naghmlu kampanja ta’ informazzjoni biex dak l-istudju niddiskutuh ma’ għaqdiet oħra u mas-sħab soċjali. Dan għandu jwassal għal parti oħra u diversi mistoqsijiet: Hawnhekk nistaqsu bħala pajjiż, bħala soċjetà x’inhu d-dħul għall-ħajja diċenti ta’ household? X’se niddeċiedu bħala soċjetà? Min se jħallas? Xi ħadd irid iħallas. Se jogħlew il-pagi minimi iżda min iħaddem se jibża’ li tkissirlu l-kompetittività jew il-Gvern se jkompli jissuplimenta l-pagi minimi biex ma jkunux taħt il-livell tal-faqar?

Nitkellmu ħafna fuq id-dinjità tal-bniedem u tal-ħaddiem. Hawn Malta bħal ħafna pajjiżi madwar id-dinja ħadna l-mudell neo-liberali, kemm fil-filosofija politika u kemm fl-ekonomija jfisser li l-Gvern ikun regolatur u ma jidħolx fis-suq ħieles u s-suq isuq.

Perὸ l-Gvern għamel ħaġa tajba ħafna li dejjem żamm is-servizzi essenzjali taħt idejh bħad-dawl u l-ilma, l-isptar, l-edukazzjoni. Fl-istess ħin reħa ċerti affarijiet u huwa biss regolatur fuqhom.

Iżda jien ma naċċettax il-fatt li persuna tmur għax-xogħol, taħdem, toffri kwalità tajba tax-xogħol, perὸ l-paga tagħha trid tiġi supplimentata mill-Gvern permezz tal-in-work benefit u issa permezz tat-tieni mekkaniżmu tal-COLA. Dan ifisser li fis-suq min iħaddem mhux qed iħallas biżżejjed, is-sistema mhijiex tiffunzjona u l-Gvern qed ikollu jinterferixxi b’mod pożittiv billi jissuplimenta l-paga biex il-ħaddiem ikollu ħajja dinjituża jew biex ma jkunx f’xifer jew taħt il-livell tal-faqar.

Dan ifisser li s-suq irid iħallas pagi aħjar milli qed iħallas u mhux jissagrifika l-kwalità tal-ħajja tal-individwu għall-benefiċċju tal-kompetittività. Hawnhekk irridu nsibu soluzzjonijiet oħrajn, niddiskutu forom oħrajn… iżda ma nissagrifikawx il-kwalità tal-ħajja tal-individwu li nirrappreżenta jien. Ma jistax ikolli post tax-xogħol kompetittiv filwaqt li l-ħaddiem li qed jagħti kontribut biex il-post tax-xogħol jikber jinsab fil-faqar.

Qed isir ukoll tibdil fl-istruttura interna tal-GWU. Qed inkomplu nimmodernizzaw l-istruttura tagħna biex dejjem inkunu ffokati fuq l-esiġenza tas-servizz lejn il-membru.

Wasalna wkoll biex inħabbru proġett ġdid għall-membri tal-GWU. Proġett tal-ewwel xorta tiegħu fi ħdan it-trejd unjins ta’ Malta, fejn se jkun offrut valur għall-ħlas tas-sħubija.

Tajjeb li nsemmu wkoll l-ammont ta’ kwistjonijiet li solvejna fosthom il-kwistjoni tal-ħaddiema tal-Airmalta. Proċess rigoruż ħafna, b’ħafna membri involuti, b’ħafna diskussjonijiet kemm mal-membri biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom kif ukoll mal-Gvern u l-kumpanija. Proċess li sa tmiem is-sena għandu jkun finalizzat.

Liema sitwazzjonijiet qed taraw li għandhom jieħdu prijorità bħalissa f’pajjiżna?

L-għoli tal-ħajja. Waħda mill-argumenti min-naħa ta’ min iħaddem hija li tista’ sseħħ it-tieni mewġa ta’ inflazzjoni minħabba ż-żieda tal-COLA li terġa’ ġġib żieda fil-prezzijiet.

Problema oħra hija l-biża’ u inċertezza ta’ ċerti ħaddiema kawża tal-gwerra fl-Ukrajna. Wara sentejn ta’ pandemija, dawn id-dubji jqajmu ħafna ħsibijiet. Għalhekk hemm bżonn li nagħtu aktar prijorità lis-saħħa mentali u mhux nitkellmu dwarha biss.

Il-GWU diġà tinsab għaddejja b’laqgħat mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali biex insibu l-aħjar mezzi kif nindukraw lill-ħaddiema mhux biss b’ħiliet u kompetenzi iżda naraw li jkunu b’saħħithom mentalment.

Bħala uffiċjali fi ħdan il-GWU ngħatajna wkoll kors meħtieġ ta’ mental health first aider biex nifhmu aktar aħjar is-sinjali ta’ problemi fis-saħħa mentali. Wasal iż-żmien li npoġġu dan is-suġġett fuq nett tal-aġenda fil-postijiet tax-xogħol. Proprju fl-aħħar laqgħa mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali ddiskutejna kif se mmexxu l-Memorandum of Understanding lli konna ffirmajna bejn il-Gvern u s-sħab soċjali għall-ġid tas-soċjetà tagħna.

Il-ħin beda jagħfas ġmielu. Ma stajniex inkomplu. Min-numru ta’ mistoqsijiet li kellna f’moħħna nistaqsuh, kienu ftit minnhom biss li missejna, u għalhekk ftehmna li nerġgħu niltaqgħu darb’oħra. Hekk kif il-mobile ħdejh beda jdoqq, ifakkru biex jerħilha għal-laqgħat li kien imiss!