Ġie ppubblikat studju dwar kategoriji ta’ familji differenti u kemm għandu jkun id-dħul biex dawn jgħixu ħajja diċenti. Dan l-istudju kien frott ta’ ħidma flimkien bejn il-General Workers’ Union, il-Moviment Graffitti u l-Alleanza Kontra l-Faqar.
L-istess studju stħarreġ id-dħul ta’ sitt kategoriji differenti ta’ familji f’Malta. Dan l-istudju għandu valur ta’ €90,000 li huwa kofinanzjat bi 80% minn Fondi Strutturali u l-20% l-oħra huma mħallsa mill-GWU.
Wara li kien inħareġ tender skont ir-regolamenti tal-procurement, ġiet magħżula l-kumpanija Re-Think Advisory Ltd. biex twettaq din ir-riċerka li rat ukoll l-involviment ta’ soċjologu u ekonomista. Dan l-istudju ħa diversi xhur u fih ġew intervistati ‘l fuq minn 1,000 persuna filwaqt li saru diversi focus groups u anke intervisti oħra fuq bażi individwali.
Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li: “ridna studju xjentifiku, li nagħtu definizzjoni ta’ x’inhi living income, għalxiex qed nirreferu u kemm se tiġi tiswa.”
Huwa fisser dan l-istudju bħala l-ewwel pass biex nersqu lejn dħul diċenti għal kulħadd. “L-għan ewlieni tagħna kollha flimkien kien li nagħtu stampa reali ta’ x’jeħtieġ isir biex kull ċittadin f’Malta jkun jista’ jgħix ħajja diċenti u ma jaqax fir-riskju tal-faqar. Studju li se jitressaq quddiem l-MCESD lill-isħab soċjali kollha, lill-Gvern għal diskussjonijiet biex naraw fejn irridu mmorru u x’jista’ jagħmel il-pajjiż biex ngħinu lil xulxin għal ħajja diċenti għal kulħadd.”
Fi preżentazzjoni li għamel tal-istudju, Jake Azzopardi minn Re-Think Advisory Ltd. stqarr li meta nitkellmu fuq living income ma nkunux qed nirreferu għal dak l-ammont ta’ dħul li inqas minnu, familja partikolari tgħix f’faqar assolut.
“Irridu li nitkellmu fuq ammont li minnu ‘l fuq il-familja jkollha l-fakultà tipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà tagħna, li tgħix ħajja adegwata, li mhux biss tkopri dak li huwa essenzjali,” qal Azzopardi.
Huwa spjega li f’din ir-riċerka ttieħed konsiderazzjoni ta’ diversi fatturi fosthom is-saħħa, l-ikel u x-xorb, housing, l-edukazzjoni, trasport u rikreazzjoni fost affarijiet oħra.
L-istudju stabbilixxa li l-living income nazzjonali għandu jkun ta’ madwar €14,864 għal persuna waħedha bla tfal, €20,099 għal ġenitur waħdu b’wild wieħed, €26,018 għal ġenitur waħdu b’żewġt itfal, €21,316 għal koppja bla tfal, €25,746 għal żewġ ġenituri b’wild wieħed u €30,734 għal żewġ ġenituri b’żewġt itfal.