WIN – Kun Infurmat, Parteċipazzjoni b’mod Attiv u Prevenzjoni tal-Kunflitti
F’konferenza li ttellgħet fil-binja tal-GWU bħala parti mill-proġett WIN, proġett internazzjonali ta’ riċerka saret diskussjoni dwar il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet, qsim ta’ ideat u esperjenzi, biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tal-informazzjoni u l-konsultazzjonijiet u l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Dan il-proġett li qed isir flimkien ma’ unjins oħrajn u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, b’sapport mill-Unjoni Ewropea huwa ta’ importanza biex iżid l-għarfien tar-rappreżentanti tal-postijiet tax-xogħol għall-prevenzjoni ta’ kunflitti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet.
Kuntatt u aċċess bejn il-partijiet kollha, anke mal-politiċi għal soluzzjonijiet
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja saħaq li f’soċjetà demokratika l-kunflitt ta’ ideat huwa inevitabbli. Meta għandek post tax-xogħol fejn tiżdied il-parteċipazzjoni bejn il-ħaddiema u min iħaddem aktar se jiżdiedu l-kunflitti ta’ ideat għax kulħadd għandu l-ideat tiegħu.
Huwa qal li l-vantaġġ tagħna f’Malta huwa l-kuntatt u aċċess kemm bħala sħab soċjali kif ukoll mal-politiċi. Sistema li hija bbażata fuq kif jinstabu s-soluzzjonijiet flimkien biex il-konflitt minflok jeskala jiġi riżolt b’parteċipazzjoni mill-partijiet kollha.
“Anke aħna bħala sħab soċjali rridu nitgħallmu kif naġixxu u nsolvu l-kunflitti f’sitwazzjonijiet ġodda. Ħiliet li rridu ngħaddu lix-shop stewards biex anke huma jsolvu l-kunflitti li jinqalgħu fuq il-postijiet tax-xogħol. Hekk kif konflitt fuq il-post tax-xogħol joħloq aktar inkwiet u dimotivazzjoni kbira jekk ma jiġix riżolt filwaqt li jista’ jeskala l-affarijiet li jwassal għal telf ta’ enerġija u flus għaż-żewġ naħat. Saħansitra anke fuq skala nazzjonali, id-djalogu soċjali huwa importanti bejn is-sħab soċjali u l-Gvern biex ma teskalax is-sitwazzjoni,” kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Semma kif matul il-pandemija rajna kemm huwa b’saħħtu d-djalogu soċjali fostna l-Maltin hekk kif kemm ix-shop stewards u anke min iħaddem ħadmu flimkien biex ingħeleb kull ostaklu biex ħadd ma tilef l-impjieg u l-ebda post tax-xogħol ma għalaq.
“Biex naslu jiddependi minn diversi partijiet hekk kif ninsabu kollha fl-istess dgħajsa. Huwa essenzjali li biex post tax-xogħol jikber l-unjins iridu jaħdmu flimkien ma’ min iħaddem biex insolvu s-sitwazzjonijiet madwar mejda. “Permezz tar-riformi li saru matul is-snin fosthom l-incomes policy u l-liġi ta’ rikonoxximent il-konflitti bejn it-trejd unjins u min iħaddem naqas ħafna. Is-sħab soċjali kollha mmaturaw biżżejjed li bil-kunflitt bejnietna ma jirbaħ ħadd. Minbarra li nemmnu li kull ħaddiem għandu jkun membru fi trejd unjin, nemmenu li anke min iħaddem għandu jkun membru f’assoċjazzjoni għax fejn hemm sens ta’ għarfien u komunikazzjoni m’hemmx problema.”
Is-Sur Bugeja temm jgħid li kunflitt ta’ ideat huwa essenzjali filwaqt li konflitt ta’ provokazzjoni huwa kundannabbli. Ħadd ma jridu. Minflok djalogu soċjali huwa essenzjali biex ikun hemm stabbilita u komunikazzjoni u b’hekk il-post jimxi ‘l quddiem. Nitkellmu u nsibu s-soluzzjonijiet bejnietna.