L-ekonomija dinjija ħadet daqqa ta’ ħarta kbira minħabba l-pandemija. Issa li ħafna pajjiżi għaddejjin b’ritmu mgħaggel bit-tilqim kontra l-Covid-19 kull pajjiż qiegħed jagħmel dak kollu possibbli biex ekonomikament jiġi lura fuq saqajh. L-istess nistgħu ngħidu għal Malta. F’Ġunju 2020 il-gvern qassam 100 euros f’vawċers lil kull resident Malti li kellu ʼl fuq minn 16-il sena. Din l-inizzjattiva tat spinta tajba lir-restoranti, lukandi u ħwienet. Tajjeb li jingħad li fl-ewwel skema l-effett fl-ekonomija Maltija kien ta’ madwar €90 miljun. Id-doppju ta’ kemm investa l-Gvern sabiex iniedi din il-miżura.
Il-gvern analizza s-sitwazzjoni u ra li kienet inizjattiva tajba ħafna u ta’ għajnuna kbira lin-negozji Maltin. Għalhekk din is-sena nemmnu li l-istess investiment ta’ €50 miljun se jkunu reċiprokati b’żieda fil-konsum intern. Bħalissa kulħadd qiegħed jistenna l-vawċers ħalli kif fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju jerggħu jiftħu l-ħwienet kollha u t-temp sbieħ kulħadd joħrog igawdi ftit. Il-pandemija ġabret lil kulħadd id-dar u għall-bidu kulħadd ħa gost bil-ħajja ftit iżjed sempliċi però bħalma jgħidu ta’ kuljum iweġġa’ r-ras u n-nies iddejqu ġewwa. Barra hekk ħafna nies qed ibatu minn dik li tissejjaħ pandemic fatigue. Huwa essenzjali li n-nies tibda tistrieħ għax hawn għeja mentali kbira.
Il-vawċers ser jerġgħu jiġu mqassma lill-familji u individwi li għalqu sittax-il sena sa’ April li għadda. Dawk il-barranin li għandhom permess joqogħdu Malta huma eleġibbli wkoll. L-istruttura tal-vawċers ta’ din is-sena ser tkun ftit differenti. Din id-darba ser ikunu ffukati ftit iżjed fuq il-ħwienet li fil-pandemija ġew imsejħa bħala mhux essenzjali u għalhekk damu ftit iżjed magħluqin minn ħwienet oħrajn. Barra minn hekk il-vawċers tas-sena l-oħra kienu xi ftit jew wisq sfida biex jinġabru però din is-sena jistgħu jiġu aċċessati b’mod ħafna iżjed faċli onlajn.
Il-ġranet tas-Sajf iġibu ħafna studenti barranin biex jitgħallmu l-Ingliż. Malta offriet vawċers lil dan is-settur ukoll biex iħeġġuhom iżuru l-gżejjer tagħna bħas-snin ta’ qabel. Dawk l-istudenti barranin li għandhom ʼil fuq minn 13-il sena li ser iqattgħu minimu ta’ ħmistax-il lejl hawn Malta u t-tir prinċipali tagħhom huwa biex jitgħallmu l-Ingliż ser ikunu eleġibbli għal €10 kuljum matul il-ġranet li ser iqattgħu hawnhekk. Kull student huwa eliġibbli għal massimu ta’ €300.
Il-pandemija affettwat lil kulħadd kemm lil min iħaddem u anke lill-ħaddiema. Hemm numru kbir ta’ ħaddiema li naqsulhom is-sigħat tax-xogħol tagħhom u forsi anke l-overtime. Għalkemm in-negozji qegħdin jiftħu però l-pandemija ħalliet ħerba finanzjara kbira u r-riperkussjonijiet ser jibqgħu jinħassu għax-xhur li ġejjin. Hawn ħafna familji jixtiequ joħorġu ftit però qed jaqtgħu ftit qalbhom minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.
Numbru kbir ta’ familji għamlu ġimgħat twal fuq il-Covid Wage Supplement li filwaqt li kien essenzjali biex jitħallsu l-kontijiet iżda ma setgħux jaffordjaw li joħorġu jieklu barra jew xi attivitajiet oħra li huma meqjusa mhux essenzjali. Fil-pandemija kellna ħafna ħaddiema membri tagħna li rrikorru għandna għall-għajnuna minħabba biża’ li jispiċċaw bla impjieg. Saru ħafna laqgħat ma’ numru kbir ta’ kumpaniji li naħdmu magħhom biex kemm jista’ jkun insibu l-aħjar soluzzjoni għall-ħaddiema membri tagħna biex ma jispiċċawx bla impjieg.
Xi kultant trid tkun fis-sitwazzjoni biex tifhem kemm il-pandemija kienet u għadha diffiċli u stressanti fuq diversi familji. Il-beżgħat kbar li ħa jispiċċaw bla impjieg, il-problemi finanzjarji li jistgħu jolqtu lill-familja tagħhom, il-mard mentali li jista’ jwassal l-istress kontinwu hija ġlieda bla tmiem.
Il-gvern ser ikun qiegħed iqassam dawn il-vawċers biex il-familji jkunu jistgħu joħorġu jgawdu ftit mingħajr ma joqogħdu jinkwetaw fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.
Ir-rota ekonomika bdiet bil-mod iddur però dan ma jeskludix il-fatt li l-problemi mentali u finanzjarji li akkumulaw matul ix-xhur twal li għaddew għadhom magħna. Mill-istatistiċi li ġew ippubblikati riċentament jidher li sa Marzu 2021 39.9% tal-poplu Malti kien għadhom ibati s-solitudni. 30.5% għadhom isibu diffikultajiet relatati mal-pandemija fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. 61.7% qegħdin ikunu iżjed attenti meta n-nies ta’ madwarhom juru xi sintomi ta’ mard. 78.0% għadhom konwinwament inkwetati fuq is-saħħa tal-familjari tagħhom. 33.7% għadhom isibuha diffiċli biex jipprovdu ikel u affarijiet bażiċi lill-familji tagħhom.
Dawn l-istatistiċi juri b’mod ċar kemm dawn il-vawċers huma essenzjali kemm għall-familji Malti, individwi resident Malta u anke għall-ekonomija Maltija. Għalxejn jiftħu l-ħwienet jekk is-soċjetà qed tbati finanzjarjament. Wara l-ħerba li ħalliet il-pandemija s-soċjetà għandha bżonn imbuttatura biex tagħmel kuraġġ u flimkien nibdew mexjin għan-normalità ġdida. Dawn il-vawċers huma inċentiv tajjeb ħafna biex ma jitħalla ħadd barra għax bħalma dejjem emmnet il-GWU kulħadd huwa ndaqs u kulħadd għandu jiġi trattat l-istess. Ma kinetx tkun soċjetà ġusta li kieku għidna li ftaħna l-ekonomija għal kulħadd però perċentaġġ sostanzjali tas-soċjetà ma jkunux jifilħu joħorġu mid-dar u japprofittaw mill-fatt li l-ħwienet fetħu. Bil-mod il-mod u bl-iċken għajnuna minn kull sors possibbli jitfa’ lil Malta f’pożizzjoni finanzjarja aħjar li ttejjeb l-istat mentali ta’ bosta. Dalai Lama, kien jaħdem ħafna għall-umanità u kien jgħid, “Hekk kif ir-rima tinfirex ma’ kull ċagħqa li taqgħa fl-ilma l-azzjonijiet individwali flimkien jista’ jħallu effetti estensivi.”
Krystabel Galea