Il-GWU ssostni illi l-Gvern għandu jkompli jniedi aktar miżuri sostenibbli fl-ekonomija bil-għan illi jkompli jalleva t-tbatijiet fl-immedjat għal min iħaddem. Temmen ukoll li kull miżura għandha tkun dejjem marbuta maż-żamma tal-impjegati. Fid-diskussjonijiet li qed ikollha l-GWU bħalissa ma’ diversi postijiet tax-xogħol, hija infurmata li l-miżuri offruti xorta ser ikun hemm tkeċċijiet mill-postijiet tax-xogħol.
Fiċ-ċirkostanzi illi ħadd ma jaf kemm ser iddum din il-problema huwa ferm importanti illi l-istimolu ekonomiku għandu jkun wieħed sostenibbli u ma jwassalx lill-pajjiż għall-problemi finanzjarji fi żmien qasir li jwasslu għar-riċessjoni qawwija bil-konsegwenzi kollha negattivi fuq il-ħaddiema u l-pensjonanti tagħna.
Il-GWU taqbel illi f’dan il-perjodu l-enfazi għandu jkun dak illi jiġi allevat in-nuqqas ta’ likwidità u dħul li qed jaffaċjaw il-kumpaniji tagħna bid-differiment fuq pagamenti ta’ taxxi dovuti minn dawn il-kumpaniji, b’miżuri ta’ garanziji Governattivi għal self mill-banek u għajnuna diretta għaż-żamma tal-impjiegi.
Fl-istess ħin huma pożittivi l-miżuri mħabbra mill-Gvern fosthom l-għajnuna diretta għall-ġenituri li ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol minħabba l-għeluq tal-iskejjel u child cares, li jgorr parti mil-leave tal-kwarantina obligatorja, iż-żieda fil-benefiċċji tal-qgħad għal min sfortunatament jitlef l-impjieg tiegħu.
Fuq aspett soċjali huma pożittivi l-miżuri f’żieda ta’ sussidju tal-kirjiet għal min jitlef l-impjieg u jkun qiegħed bil-kera u l-miżuri għall-persuni b’diżabilità. Dawn huma kollha miżuri illi jtaffu minn tbatijiet illi qegħdin jaffaċjaw il-ħaddiema tagħna.
Kif dejjem saħqet il-GWU li temmen fl-ugwaljanza tal-ħaddiema u għalhekk taqbel mal-miżuri mħabbra biex intrapriżi li ma jkeċċux impjegati u wara jimpjegaw ħaddiema tal-kuntratturi u taqbel ukoll li ma għandhomx jingħataw aktar permess għal ħaddiema ġodda. Hija miżura tajba wkoll li l-Gvern ser jgħin lill-ħaddiema kollha ta’ pajjiżi terzi li bħalissa jinsabu f’Malta biex isibu impjieg alternattiv għal min ikollu l-impjieg tiegħu mitmum.
Filwaqt li taqbel ma’ dan kollu l-GWU xorta temmen li dan mhux biżżejjed biex ħaddiema ma jitkeċċewx mid-diversi postijiet tax-xogħol. Għalhekk il-GWU tipproponi aktar miżuri diretti li huma marbuta maż-żamma tal-impjiegi. Dan bit-tama illi din il-kriżi tgħaddi fi żmien mhux daqshekk fit-tul.
Il-GWU qed tipproponi inċentivi ġodda lill-kumpaniji kollha tagħna, fosthom żieda diretta fl-għajnuna għall-ħlas ta’ pagi u krediti fil-pagamenti tat-taxxa biex aktar kumpaniji jżommu l-impjegati. Il-krediti għandhom ivarjaw skont l-impatt li industrija partikolari qed taffaċċja minn din il-problema. Il-GWU tipproponi t-tnaqqis f’Government Induced Costs għall-industriji tal-manifattura u t-turiżmu fosthom tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma biex ikomplu jiġu mgħejjuna l-kumpaniji tagħna f’dan iż-żmien hekk diffiċli. Barra minn hekk il-moratorjum fuq is-self speċjalment dak residenzjali għandu jkun mandatorju u aktar minn tliet xhur. L-għan aħħari huwa illi jkomplu jiġu salvagwardjati l-impjiegi.