Il-General Workers’ Union (GWU) tavża li mil-lum bdiet azzjoni industrijali fil-kumpanija Teva Pharmaceutical Industries (TEVA) wara li ma ntlaħaqx ftehim dwar it-tiġdid tal-Ftehim Kollettiv.
Tul l-aħħar xhur saru diversi laqgħat u diskussjonijiet bejn il-GWU u l-kumpanija bil-għan li jintlaħaq qbil li jkun ġust u sostenibbli, filwaqt li jirrifletti l-kontribut u l-impenn tal-ħaddiema. Il-GWU daħlet f’dawn in-negozjati b’intenzjoni ġenwina li jintlaħaq kompromess fl-interess ta’ kulħadd.
Minkejja dawn l-isforzi, il-partijiet ma rnexxielhomx jaslu għal ftehim. Il-GWU sussegwentement sejħet laqgħat mal-membri tagħha, fejn il-maġġoranza ddeċidiet li ma taċċettax il-proposti tal-kumpanija u tat mandat lill-Union sabiex timxi ’l quddiem b’azzjoni industrijali.
Is-Segretarju tat-Taqsima Rita Dimech stqarret: “Il-ħaddiema wrew paċenzja u responsabbiltà tul dan il-proċess kollu. L-azzjoni industrijali qed tittieħed bħala l-aħħar għażla wara li ma ntlaħaqx ftehim ġust. Aħna nibqgħu miftuħa għal djalogu serju u kostruttiv sabiex tinstab soluzzjoni fl-interess ta’ kulħadd.”
Għaldaqstant, l-azzjoni industrijali bdiet mill-lum. Din il-miżura qed tittieħed wara li ġew eżawriti l-mezzi kollha ta’ diskussjoni u negozjar.
Il-GWU ttenni r-rieda tagħha li terġa’ lura fuq il-mejda tan-negozjati sabiex jintlaħaq ftehim ġust u bilanċjat fl-interess kemm tal-ħaddiema kif ukoll tal-kumpanija.




