Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Il-GWU tattendi għall-għeluq tal-proġett dwar it-Trasparenza tal-Pagi f’Pariġi

Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin attendiet għall-Kungress imtella’ mill-Eurocadres f’Pariġi, Franza.  

Jumejn konferenza fejn ġie konkluż il-proġett dwar it-Trasparenza tal-Pagi, fejn matulu ħarġu r-riżultati tal-istħarriġ li sar mas-seba’ pajjiżi Ewropej li kienu qed jieħdu sehem. 

Bħala parti mill-proġett, il-GWU kienet stiednet lill-Eurocadres itellgħu konferenza ġewwa pajjiżna, fil-Workers’ Memorial Building.

Ir-rapport minn dan l-istħarriġ jiffoka fuq l-għodod meħtieġa għall-professjonisti madwar l-Ewropa biex jappoġġjaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ trasparenza fil-pagi b’suċċess fuq livell nazzjonali. 

Fih spjegazzjoni tal-effettività tal-miżuri għal trasparenza fil-pagi u kif il-prinċipju tal-valur ugwali jista’ jiġi implimentat fil-prattika.

Is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin tat il-kontribut tagħha permezz ta’ spjegazzjoni dwar kif Malta qed tipprepara ruħha għal din id-direttiva.  

Mitluba tagħti informazzjoni dwar il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna u x-xogħol li qed tagħmel il-GWU, Darmanin infurmathom li f’Malta r-rata tal-qagħad hija waħda baxxa u dan qed jirrifleti f’pagi aqwa vis-a-vis l-kompetizzjoni kbira biex jiġu impjegati l-professjonisti.  

“Ix-xogħol tal-GWU qed jiġi rifless fil-Ftehim Kollettivi tal-kumpaniji u awtoritajiet Maltin, fejn qed nieħdu ħsieb li ninkludu klawsoli favur il-familja u titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.”

Darmanin qalet li l-problema li qegħdin jiffaċċjaw hija l-ħinijiet twal ta’ xogħol li qed twassal għall-għejja mentali u saħansitra d-dipressjoni. 

Għall-għeluq ta’ din il-konferenza attendiet ukoll l-Assistent Segretarju Cynthia Schembri.