Il-GWU dejjem imxiet mal-prinċipji progressivi, soċjo-ekonomiċi li ħaddnet sa mit-twaqqif tagħha. Għaldaqstant, il-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma proposta fil-white paper imnedija mill-Gvern imsejħa, ‘Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis’. Bħala GWU aħna favur id-dekriminalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis għal diversi raġunijiet.
B’din ir-riforma għandna possibbiltà sabiex nassiguraw illi l-liġijiet u l-prattiċi tagħna jaqdu bl-aħjar mod li s-soċjetà ġenerali. Din ir-riforma għandha twassal għall-bidla li persuna li tagħmel użu tal-kannabis ma jitqisx aktar bħala kriminal, imma minflok qed toħloq qafas legali li jagħmel permessibbli għall-kultivazzjoni u l-użu personali. Barra hekk, il-white paper qed tipproponi li kull reat marbut mal-użu tal-kannabis ma jibqax meqjus bħala tali fil-liġi ta’ Malta u jitneħħa kull reat miċ-ċertifikat tal-kondotta.
Rajna wisq ħaddiema li fuq sempliċi joint, li konsmaw barra l-post tax-xogħol spiċċaw akkużati quddiem il-qrati Maltin u bil-konsegwenza li tilfu l-impjieg tagħhom. Persuna ma għandhiex tispiċċa bil-kondotta mċappsa, jew saħanistra l-ħabs, sempliċiment għax ikkonsmat il-pjanta tal-kannabis. Qrajna biżżejjed sentenzi tal-qorti fejn il-Ġudikanti stess ħeġġew lill-amministrazzjoni tal-pajjiż biex tikkunsidra emendi legiżlattivi iktar progressivi. Wisq żgħażagħ irvinaw ħajjithom b’xi ħaġa li għamlu fil-bluha ta’ mument. Dan qed ngħiduh b’responsabbiltà lejn il-membri tagħna u s-soċjetà li ngħixu fiha u għax xprunati mill-prinċipji ta’ ġustizzja, proporzjonalità, u d-dritt tal-għażla responsabbli u ħielsa tal-individwu.
Il-GWU lesta biex waqt il-proċess ta’ diskussjoni tieħu sehem b’mod attiv dwar l-impatt ta’ din ir-riforma fuq il-ħaddiema u l-ftehim kollettiv kif ukoll fuq il-liġi tax-xogħol. Ir-riforma turi wkoll l-impenn tal-gvern biex ix-xiri taż-żerriegħa jkun b’mod legali u hekk jiżguraw li min juża l-kannabis ma jkollhom għalfejn jixtru b’mod illegali. Barra l-użu, il-qafas legali propost jisħaq fuq li jiżdied l-għarfien fattwali u xjentifiku dwarha lil dawk li jużawha u lill-pubbliku inġenerali. Dan huwa importanti biex l-għażla tal-individwu tkun ibbażata fuq l-għarfien.
Is-soċjetà Maltija qed tkompli tevolvi u din ir-riforma b’mod għaqli u progressiv għandha twassil għal drittijiet ċivili ġodda b’responsabbiltà.