Il-ħaddiema tal-kumpanija easyJet Engineering Malta se jkunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom permezz ta’ Ftehim Kollettiv ġdid li ġie ffirmat bejn il-General Workers’ Union (GWU) u easyJet Engineering Malta. Ftehim Kollettiv li jkopri perjodu ta’ tliet snin.
“Wara xhur ta’ ħidma, ninsab sodisfatt li ġie ffirmat dan il-Ftehim Kollettiv fejn komplejna saħħaħna l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Nirringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess u nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi li dan il-ftehim se joffri aktar stabbiltà finanzjarja lill-ħaddiema,” qal Jurgen Azzopardi, rappreżentant għat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU.
Huwa ħa l-opportunità jirringrazzja lil Sandro Vella, is-Segretarju tat-Taqsima li se jivvaka din il-pożizzjoni, u lill-ħaddiema li ħadmu id f’id flimkien magħhom biex waslu għal dan il-Ftehim Kollettiv.
Daniel Galea, Direttur Maniġerjali tal-kumpanija easyJet Engineering Malta sostna: “Bi pjaċir inħabbru li easyJet Engineering Malta u l-General Workers’ Union iffirmaw b’suċċess dan il-Ftehim Kollettiv favur l-impjegati. Dan it-tragward huwa xhieda tal-impenn tagħna sabiex niżguraw ambjent tax-xogħol armonjuż u kollaborattiv. Dan il-Ftehim Kollettiv jiżgura li tiġi stabbilita bażi soda għal prosperità kondiviża u ugwali għal kulħadd. Il-Ftehim kien iffukat fuq żidiet fil-pagi u benefiċċji ulterjuri li jwasslu għal sostenibbilità għall-ħaddiema tagħna. Nirringrazzja lil kull min ħadem sabiex dan seta jkun ta’ suċċess u nħarsu ‘l quddiem għal futur sabiħ kif inhu xieraq għall-ħaddiema tagħna.”
Dan il-Ftehim ġie ffirmat mir-rappreżentant tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni Jurgen Azzopardi, ix-shop stewards Paul Attard u Benny Agius, u r-rappreżentanti Daniel Kitney u Dylan Abela filwaqt li min-naħa tal-easyJet Engineering Malta ffirmaw id-Direttur Maniġerjali Daniel Galea u l-Manager għar-Riżorsi Umani Maria Tanti. Dan seħħ fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u Jonathan Spiteri, Kap tal-Finanzi għal easyJet Engineering Malta.
Share