Jista’ jkun hemm ħajja bla ilma?
L-affarijiet kollha ħajjin għandhom bżonn l-ilma biex jgħixu. Aħna u l-organiżmi kollha bħall-annimali u l-pjanti nużaw l-ilma biex nikbru u ngħixu. Ma teżisti l-ebda ħajja mingħajr ilma. Daqshekk hu importanti l-ilma fil-ħajja tagħna. U għalhekk huwa kruċjali li nieħdu ħsieb li ma jinħeliex ilma għalxejn.
60-75% tal-piż tal-ġisem tal-bniedem huwa ilma. Jekk il-ġisem jitlef 4% ilma dan ifisser li jkun qed jixxotta mill-ilma. Telf ta’ 15% jistgħu jkunu fatali. Individwu jista’ jgħix sa xahar mingħajr ikel però ma jgħaddix iżjed minn tlett ijiem bla ilma. Dan juri biċ-ċar kemm l-ilma hu essenzjali ħafna għall-bniedem.
Għaliex l-ilma hu importanti għalina?
L-ilma f’ħajjitna huwa importanti ħafna biex innaddfu, naħslu l-ħwejjeġ u nżommu lilna nfusna nodfa. Però mhux biss; jekk ma nixorbux biżżejjed ilma l-ġisem ma jkollux l-ilma neċessarju. L-ilma għandu rwol importanti ħafna fil-bijoloġija tal-ġisem;
- Jirregola t-temperatura
- Iżomm l-għajnejn, l-imnieħer u l-ħalq niedja
- Jipproteġi l-organi tal-ġisem
- Jgħin lill-kliewi u l-fwied
- Iwassal in-nutrijenti u l-minerali sal-partijiet kollha tal-ġisem
- Jgħin il-joints tal-ġisem jiffunzjonaw kif suppost
Il-partijiet u l-organi kollha tal-ġisem jiddependu fuq l-ilma.
Numru u statistiċi tal-Ilma
- Kull persuna tuża madwar 150 litru ilma kuljum li jammontaw għal kważi 55,000 litru ta’ ilma fis-sena
- Fl-2016 f’Malta użajna iżjed minn 62miljun litru ta’ ilma
- 70% tal-konsum tal-ilma huwa użat mill-agrikoltura madwar id-dinja
- 20% tal-konsum tal-ilma huwa użat għall-industrija tad-dinja kollha
- Fl-aħħar 10% huwa għall-użu domestiku
- Id-domanda għall-ilma ħelu qiegħda dejjem tiżdied b’64 miljun metru kubu fis-sena
- S’issa din is-sena d-dinja diġà użat kważi 700 miljun litru ta’ ilma
- 71% tal-wiċċ tad-dinja huwa mgħotti b’ilma
- 96% tal-ilma tad-dinja huwa ilma mielaħ
- 0.5% biss tal-ilma kollu tad-dinja huwa ilma ħelu u tajjeb għax-xorb
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma għaddejja b’kampanja biex tqajjem kuxjenza maċ-ċittadin Maltin u Għawdex biex flimkien nikkonservaw l-ilma. L-Aġenzija qed tqassam Water Saving Kits biex b’affarijiet żgħar li jintużaw id-dar jiġi ffrankat ftit ilma ta’ kuljum minn kull residenza fil-gżejjer tagħna. Dr Michael Schembri mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma qalilna li huwa important ħafna li ma ninsewx li l-ilma nużawh kullimkien u f’sitwazzjonijiet varji. Malta għandna skartezza tal-ilma u biex kull dar ikollha biżżejjed ilma jsir ħafna xogħol. “Il-ftit li wieħed jikkonserva jagħmel differenza għall-pajjiż kollu. Il-kontribut ta’ kulħadd huwa valur importanti ħafna għall-pajjiż.”
X’qed iwassal għan-nuqqas tal-ilma?
- Minħabba l-bidla fil-klima qed tagħmel anqas xita u iżjed sħana fejn iwasslu għall-iżjed użu ta’ ilma
- Il-popolazzjoni tad-dinja qiegħda dejjem tikber (supply vs demand)
- Titjib fil-mod ta’ kif in-nies jgħixu
- Żieda fil-konsum tal-ikel
- L-agrikoltura kibret minħabba d-domanda globali
- Bidliet fl-istil tal-ħajja u d-drawwiet tal-ikel qed iwasslu għal aktar konsum ta’ ilma
- Il-produzzjoni tal-biofuels żdiedet drastikament. Hemm bżonn bejn 1,000 u 4,000 litru ta’ ilma ma’ kull litru biofuels
Ing. Stefan Riolo mill-Water Services Corporation qal li l-istess korporazzjoni f’dawn l-aħħar 20 sena ħadmet serjament fuq tnixxijiet tal-ilma u sewwiet ħsarat mal-pajjiż kollu. Dawn il-ħsarat kienu jammontaw telf ta’ kważi 4 miljun litru ta’ ilma fis-siegħa. Il-WSC irnexxielha tniżżel dan l-ammont għal 380 metru kubu fis-siegħa. Huwa ammont meqjus tajjeb ħafna madwar id-dinja. Dan ma sarx biss biex il-poplu Malti jkollu servizz tal-ilma adakwat però biex titnaqqas ukoll l-użu tal-enerġija għalxejn minħabba l-ambjent.
Waħda mid-drittijiet umani hija li kulħadd ikollu aċċess għall-ilma frisk kull meta jkun hemm bżonn. Il-GWU taħdem ħafna għad-drittijiet umani u għalhekk tixtieq tfakkar li hemm bżonn li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex titnaqqas il-ħela tal-ilma, għax kull qatra tgħodd. Aħna bħala poplu għandna niġbdu ħabel wieħed biex kemm jista’ jkun ngħinu biex insalvaw l-ilma kollha flimkien.
Kif jista’ jgħin kull individwu?
- Tirranġa tnixxija tal-ilma fid-dar
- Tirrapporta b’mod immedjat tnixxija tal-ilma fit-toroq
- Iġbor l-ilma tax-xita li jista’ jintuża fl-għelieqi jew biex issaqqi l-pjanti
- Iġbor l-ilma tad-dehumidifiers u airċonditioners li jista’ jintuża fl-għelieqi, biex issaqqi l-pjanti jew fl-isteamers tal-ħwejjeġ
- Tħallix l-ilma miftuħ għalxejn waqt li tkun tinħasel u taħsel il-platti
- Stenna sakemm ikollok biżżejjed ħwejjeġ u platti maħmuġin qabel taħsilhom
- Għalaq l-ilma sakemm taħsel sninek jew tqaxxar il-leħja
- Tħallix l-ilma miftuħ sakemm taħsel il-frott u l-ħaxix
- Għalaq l-ilma sakemm tkun qed taħsel il-karozza
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza li l-konsumaturi jkunu sostenibbli fl-użu tal-ilma, riżorsa naturali li hi vitali għall-għajxien. “Kull wieħed u waħda minna għandu l-parti tiegħu x’jagħmel fil-ħajja ta’ kuljum biex naqtgħu l-ħela,” spjegat il-Ministru Dalli. Fil-fatt, ta’ kuljum, persuna tuża mal-110 litru ta’ ilma. “Permezz tal-Ministeru tal-Enerġija qed inħarsu li noħolqu miżuri li jindirizzaw l-iskarsezza tal-ilma u fejn iċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-ilma tajjeb, b’mod sostenibbli u effiċjenti.” Saħqet li l-immaniġġjar tal-ilma huwa kruċjali għaliex mingħajr ilma, ma hemmx ħajja.
Ikkuntatjana jekk għandek iżjed ideat kif nistgħu nużaw anqas ilma. Tajjeb illi naqsmu dawn il-pariri ma’ xulxin.