Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

X’qalet il-GWU dwar #therighttodisconnect

Il-bieraħ il-GWU talbet laqgħa tal-MCESD biex jiġi diskuss kif ser jiġi r-rapport tal-MEP Alex Agius Saliba li għandu l-għan li jipprovdi d-dritt ta’ diskonnessjoni jew kif inhu magħruf aktar ‘the right to disconnect’. Id-diġitalizzazzjoni ġabet diversi vantaġġi, inkluż flessibilità fil-ħin tax-xogħol, teleworking, tnaqqis ta’ traffiku u tnaqqis ta’ tniġġiż fl-arja madankollu din waslet ukoll biex il-ħin tax-xogħol twal iżjed u tkisser il-bilanc bejn il-ħin tax-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ minħabba li l-ħaddiem qed jibqa’ aċċessibbli. Dan qed ikollu effett detrimentali fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema u ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-ħaddiema bħal ħlas ġust, is-saħħa u s-sigurtà u tnaqqis ta’ benefiċċji skont il-ftehim kollettiv.

Barra minn hekk, il-pandemija wriet li d-dinja tax-xogħol tista’ tkun differenti minn dik tal-passat għaldaqstant huwa imperattiv li dan ir-rapport jiġi diskuss u tiġi diskussa triq ʼil quddiem kif ser jigi implimentat dan id-dritt. Huwa important li din il-legiżlazzjoni tidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr u tkun waħda b’saħħita biex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema.

Punti li l-GWU taqbel ampjament magħhom fir-rapport huma li dan id-dritt għandu japplika għall-ħaddiema kollha li jużaw għodda diġitali, kemm ħaddiema pubbliċi kif ukoll fil-privat, dritt tal-privatezza, min iħaddem ma jistax jobbliga lill-ħaddiema jibqgħu jaqraw l-emails u jirrispondu l-mobile wara l-ħin tax-xogħol, kumpens għal xogħol imwettaq barra mill-ħin tax-xogħol, min iħaddem irid jipprovdi taħriġ u informazzjoni bil-miktub dwar id-dritt illi taqta’ minn dak li hu relatat max-xogħol. Punt ieħor important huwa li r-rapport jinkludi salvagwardji lill-ħaddiema li jitolbu dan id-dritt minn kwalunkwe vittimizzazzjoni jew riperkussjoni negattiva kif ukoll mekkaniżmu li jittratta l-ilmenti jew il-ksur tal-istess dritt. Punt iehor ferm importanti huwa li d-dettalji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhom jiġu miftiehma u maqbula bejn l-imsieħba soċjali. Dan għandu jagħti dimensjoni akbar l-irwol tal-imsieħba soċjali.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-GWU talbet laqgħa tal-MCESD biex jiġi diskuss dan id-dritt u kif ser jidħol fis-seħħ biex ikunu protetti l-ħaddiema kollha.