r-riforma nazzjonali, li qed iressaq għad-diskussjoni l-Gvern, favur tisħiħ tal-miżuri għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja intlaqgħet b’mod pożittiv minn bosta professjonisti ġejjin minn oqsma differenti.
Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-akbar unjin tal-ħaddiema f’pajjiżna, il-General Workers’ Union, iddeskriva din ir-riforma bħala essenzjali biex jintlaħaq bilanċ tant meħtieġ għall-ħaddiema f’pajjiżna.
Ma’ ONE News, hu qal li jemmen li r-riforma mressqa mill-Gvern se jkollha l-għan mhux li tnaqqas il-produttività, imma li żżidha billi tindirizza dak li ddeskriva bħala “burn out” fost sezzjoni tal-ħaddiema.
Qal li l-għan aħħari jibqa’ diskussjoni biex ikollna ħaddiema aktar b’saħħithom u sereni u b’hekk tiġi eliminata l-inċidenza tal-għejja li, fir-realtà, qed tkun ir-raġuni ewlenija għalxiex tonqos il-produttività.
Qal, “Hu essenzjali, għax id-dinja tax-xogħol qed tinbidel kontinwament u, allura, bħala nazzjon irridu nkunu avantgarde fejn nibdew dawn il-proposti niddiskuthom fuq skala nazzjonali, naraw x’jaqbel għal kulħadd, kemm għal min iħaddem u għall-ħaddiema, u nidħlu għal dan it-tibdil li hu meħtieġ.”
Kliem ta’ tifħir u rikonoxximent għal dawn il-proposti waslu wkoll mill-Kummissjarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Renee Laiviera.
Skontha din id-diskussjoni hi importanti ħafna u fakkret li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza ppubblikat diversi studji li juru l-bżonn ta’ leave tal-ġenituri aktar b’saħħtu u anke r-remote working.
Laiviera qalet li t-tisħiħ ta’ dawn il-miżuri jindirizza l-bżonn tal-ġenituri għal aktar ħin ma’ wliedhom, l-istress u anke l-għejja. Waqt li rrikonoxxiet li diġà hemm leave differenti u li diġà hemm ħaddiema li jaħdmu bir-remote working, qalet li hu ċar li hemm bżonn aktar.
Kompliet tgħid li, bla dubju, ir-riforma li beda l-Gvern se tgħin ukoll għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi f’dak li jirrigwarda responsabbiltajiet tal-familja.
Qalet, “Importanti ħafna li nfetħet din id-diskussjoni u li nittamaw li twassalna biex naslu għal konklużjonijiet li verament jagħtu appoġġ lill-familji, li verament jagħtu appoġġ. Sfidi li rridu nħarsu lejhom.”
Ma’ ONE News tkellem ukoll Philip Fenech, Deputat President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, li faħħar din ir-riforma li qal li, minnha nnifisha, se ġġib bilanċ bejn il-bżonnijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.
Waqt li esprima tama li r-riforma twassal ukoll għal diskussjoni dwar kif se jinqasam l-investiment finanzjarju biex jiżdied il-leave, fakkar li l-ħaddiem hu l-aqwa riżorsa tan-negozju u ta’ min iħaddem u, għalhekk, hu fl-interess ta’ kulħadd li l-ħaddiem ikun kuntent.
Qal, “Ikun hemm dan il-bilanċ, li jkun hemm il-mistrieħ, però, fl-istess ħin, se naraw min se jġorr il-cost ukoll, għax il-produttività trid tibqa’ għaddejja. Issa fejn jidħol remote working, remote working aħna narawha bħala opportunità wkoll.”





