Għada kull Membru Parlamentari se jivvota fuq riżoluzzjoni parlamentari li se tbiddel il-kundizzjonijiet tal-Att enfitewtiku oriġinali tal-1957 tal-binja tal-General Workers’ Union fil-Belt Valletta – il-Workers’ Memorial Building.
L-Oppożizzjoni diġà ddikjarat li se tkun qed tivvota kontra din il-mozzjoni, kif diġà għamlet fil-laqgħa tal-Kumitat u waqt dibattitu plenarju. Hija ssostni li trid tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-passat tagħha meta bdiet kawża fil-qorti kontra l-GWU.
Il-mozzjoni biex temenda l-Att enfitewtiku tippermetti lill-GWU tikri żona tal-kwartieri ġenerali tagħha – żewġ sulari taħt l-art u porzjonijiet limitati tas-sular t’isfel li ma jintużawx, lil entitajiet kummerċjali, mingħajr il-kundizzjoni oneruża li tkun bilfors azzjonista ta’ 51% f’dawk l-entitajiet. Id-dħul huwa sabiex ikun ta’ benefiċċju għall-operat tal-membri tagħna.
Huwa ta’ dispjaċir li għandek partit li jikri l-każini tar-raħal tiegħu lil entitajiet kummerċjali, u li meta kien fil-gvern kien l-awtur ta’ rregolaritajiet fuq art pubblika li jġibu fix-xejn kull pretensjoni dwar trasparenza finanzjarja, u li jaħseb illum li b’dan il-vot qed isib kawża ġusta.
L-aġir tal-PN kien punittiv u bla ħniena fil-konfront tal-GWU minn meta l-eks mexxej tagħha Simon Busuttil nieda din il-kawża fl-2017. Il-PN jaħseb li tkeċċi l-akbar trejd unjin tal-pajjiż minn darha tista’ titqies bħala rebħa politika? Il-membri li jaspiraw li jkunu fil-Gvern jaħsbu li timmina trejd unjin li tirrappreżenta 51,000 ħaddiem, hija xi kawża tassew onorevoli?
Imma hekk tidher li hi s-sitwazzjoni ġewwa l-PN, bil-membri l-ġodda wkoll iridu jżommu l-legat żbaljat li nieda l-eks kap tagħhom.
40 sena wara li l-GWU ingħatat il-kirja tal-proprjetà tal-Belt Valletta, fl-1997 il-Kamra tad-Deputati ivvotat biex tħalli ’l-unjin tissolloka partijiet tal-binja tagħha – il-kundizzjoni kienet li l-unjin tkun azzjonista ta’ 51% fl-operazzjoni tal-kiri. Huwa pertinenti li wieħed jinnota li l-WMB hija proprjetà tal-membri tagħna u dak li qed nagħmlu huwa biss li nwessgħu dritt li diġà hu eżistenti.
Fl-2014, fuq parir legali, fdejna l-kera tal-art tagħna favur l-Istat biex il-GWU tkun tista’ tikri l-ispazju mhux użat tagħha. Aħna konna qed naraw li bil-kiri ta’ dawn iż-żewġ partijiet, legalment ma konnix qed ‘nittrasferixxu l-partijiet’ kif stabbilit fl-Att enfitewtiku. Il-qrati ma qablux, u konna żbaljati – għal dan aħna lesti li nħallsu lill-Istat.
Iżda l-qrati fl-2024 ma laqgħux it-talba ħarxa tal-PN għat-tkeċċija tal-unjin mill-WMB!
Biex nissalvagwardjaw is-saħħa finanzjarja tal-unjin, issa tlabna lill-Kamra tad-Deputati għal darb’oħra biex temenda l-Att enfitewtiku; il-GWU se tħallas ammont totali ta’ €1.99 miljun lill-Awtorità tal-Artijiet biex ikollha l-possibbiltà li tikri partijiet mill-Workers’ Memorial Building mingħajr ir-restrizzjoni preċedenti.
Il-Membri Parlamentari qed jivvotaw fuq bidla fundamentali fl-Att: li l-GWU tħallas għall-konċessjoni biex tikri dawn is-sulari taħt l-art u porzonijiet limitati tas-sular t’isfel mingħajr restrizzjoni, filwaqt li l-bqija ta’ 3,800 metru kwadru ta’ spazju għall-uffiċċji delineat legalment, huma strettament utilizzati għall-attivitajiet tal-GWU.
Imma x’inhi din li l-PN ma jistax jinħeles mill-antagoniżmu patoloġiku li għandu lejn il-Unjin? Id-Deputati tal-Oppożizzjoni jridu jivvotaw kontra din il-mozzjoni minkejja li l-politika tal-Gvern ilha tappoġġja lin-negozji, l-imsieħba soċjali kif ukoll l-għaqdiet volontarji biex jibqgħu finanzjarjament vijabbli biex ikomplu jissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ dawk li jirrappreżentaw.
Hija mozzjoni trasparenti li qed tiġi ppreżentata lill-Kamra, li biss biss tpoġġi f’dell ikrah il-preċedenti li ħolqu amministrazzjonijiet preċedenti tal-PN, bid-deċiżjonijiet arbitrarji tagħhom dwar il-bejgħ tal-artijiet pubblċi li kienu ta’ benefiċċju esklussiv għall-interessi privati.
F’Marzu 2013, il-Gvern esproprja ristorant fil-bajja pittoreska tal-Fekruna fix-Xemxija billi partat l-art ma’ żewġ plottijiet tal-Gvern f’San Ġwann. L-NAO u l-IAID sabu li l-Istat kien tilef €1.1m fuq dak il-ftehim billi ssopravaluta l-bajja għal €4.9m u ssottovaluta l-plottijiet ta’ San Ġwann – żgur li l-GWU ma qaditx tħuf wara l-eks Ministru tal-Artijiet Jason Azzopardi!
Fl-2009, l-Istat reġa’ ffaċilita ftehim biex il-kumpanija Marsovin tkun tista’ tifdi l-kera tal-art fuq art pubblika li kienet okkupat għal birrerija f’Ħal Qormi sabiex tkun tista’ tittrasferixxi l-konċessjoni tagħha lil Vassallo Builders Group għal €8 miljuni – il-bejgħ kien marbut mat-tneħħija tal-kundizzjoni tal-birrerija. L-Istat neħħa l-kundizzjoni oneruża fi 48 siegħa biss, mingħajr lanqas ma ressaq din il-kwistjoni quddiem il-Kamra għal riżoluzzjoni parlamentari. Żgur li l-GWU ma nfexxitx f’xi witch-hunt fuq l-eks Ministru tal-Artijiet.
Hekk kif il-GWU umilment issottomettiet ruħha għad-deċiżjoni tal-qorti dwar l-Att enfitewtiku, se tirrispetta d-deċiżjoni suprema tal-Kamra dwar din il-mozzjoni. Id-demokrazija m’għandhiex tibqa’ logħba fejn kulħadd jużaha biex isalda l-kontijiet tal-preġudizzji storiċi tagħhom, bħalma hi dik ta’ kontra l-għaqdiet tal-ħaddiema.
Il-GWU tista’ biss tħares lejn il-ġejjieni biex issaħħaħ il-missjoni tagħha biex tkompli tħares id-drittijiet tal-ħaddiema: għall-avversarji tagħna, din hija telgħa wieqfa oħra.