Written by Aħbarijiet, Dinja u Kronika, Ekonomija, Home, Kummerċ, Politika, Teknoloġija

Niddiskutu t-triq ‘il quddiem bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern

Il-General Workers’ Union (GWU), l-akbar Unjin ta’ ħaddiema f’Malta, tat parir li l-COLA tingħata f’żewġ partijiet, bl-ewwel parti ssir din is-sena u mbagħad il-parti l-oħra tingħata f’Jannar tas-sena d-dieħla bħalma jsir is-soltu. Dan bil-għan li l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fuq il-familji Maltin jittaffa. 

Dan is-sit ħa kumment mingħand is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, fejn qalilna li f’Malta għandna djalogu soċjali b’saħħtu u bħalma għamilna fil-każ tal-pandemija Covid-19, għandna nerġgħu nitkellmu flimkien.

“Hemm bżonn li tiġi diskussa t-triq ‘il quddiem bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern dwar l-inflazzjoni u l-impatt tagħha fuq il-ħaddiema, il-familji u l-ekonomija. Hemm bżonn li ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel tiġi indirizzata b’mod immedjat,” spjega Bugeja.

“NAQBLU LI TIŻDIED IL-PAGA BIEX KULĦADD JGĦIX ĦAJJA DIĊENTI IMMA FL-ISTESS ĦIN HUWA IMPORTANTI LI MA JITPOĠĠEWX L-IMPJIEGI FIL-PERIKLU”

Josef Bugeja

Il-GWU tirrikonoxxi s-sussidjar mill-Gvern fil-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u ċ-ċereali biex irażżan l-impatt tal-inflazzjoni u tħoss li huwa importanti ħafna li dan is-sussidjar jibqa’ fis-seħħ. 

Hawnhekk is-Segretarju żied li, “però, importanti li bħala pajjiż nibqgħu kompetittivi ma’ pajjiżi oħrajn bil-għan li ma jkunux affettwati l-postijiet tax-xogħol. Il-fatt li l-Gvern assorba ċerti żidiet kien ta’ vantaġġ għall-industrija tagħna ma’ pajjiżi oħrajn.”

Huwa qal li bħala GWU jaqblu li tiżdied il-paga biex kulħadd jgħix ħajja diċenti imma fl-istess ħin huwa importanti li ma jitpoġġewx l-impjiegi fil-periklu.

“Huwa ħafna diffiċli li tilħaq dan il-bilanċ f’mument bħal dan. Flimkien irridu nġorru l-piż u mhux biss il-ħaddiema,” temm is-Sur Josef Bugeja.