Messaġġ tal-President tal-GWU Victor Carachi f’Jum il-Ħaddiem
Meta ta’ kull sena nikkommemoraw Jum il-Ħaddiem fl-Ewwel ta’ Mejju nkunu b’hekk qed niċċelebraw l-għaqda u l-mixja ´l quddiem li għamel il-ħaddiem mal-milja tas-snin. Huma kisbiet dawn li mhux biss tejbu l-kundizzjonijiet tal-klassi tax-xogħol imma li wasslu wkoll għal ħajja aħjar u iktar diċenti għall-familji Maltin.
F’dawn l-aħħar sentejn il-ħaddiema Maltin iżda kienu ffaċċjati b’theddida serja li jitilfu kulma kisbu matul iż-żmien. Theddida li feġġet kaġun ta’ pandemija li ma konniex qed nistennew jew li se ttul daqskemm ilha. Pandemija li ħalliet effetti gravi mhux biss fuq l-ekonomija dinjija imma wkoll ġabet magħha effetti devastanti soċjalment.
Pajjiżna wkoll, f’dawn is-sentejn li għaddew u bħal pajjiżi oħra, iffaċċja din it-theddida imma f’dan kollu, kien għaqli biżżejjed meta għaraf kif noħolqu bilanċ sostnut bejn is-saħħa pubblika u l-ekonomija. Dan il-bilanċ kien kruċjali biex l-ekonomija Maltija mhux biss ma titniżżilx għarkupptejha imma li setgħet tkompli tiffunzjona u f’xi waqtiet tikber ukoll. Kien kruċjali biex l-impjiegi ma ntlaqtux severament kif kien maħsub. Mhux talli hekk talli l-għajxien tal-ħaddiema kien protett b’miżuri progressivi u f’waqthom li introduċa l-Gvern biex isostni lill-familji u lin-negozji.
Jidher issa li dan il-bilanċ qed iwassalna biex noħorġu minn din is-sitwazzjoni u l-irkupru ekonomiku qed jirranka sew. Dan l-irkupru qed narawh l-ewwel fil-konsum. Huwa wkoll rifless fil-qawmien mill-ġdid tal-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed tieħu r-ruħ u ftit ftit qed terġa’ lura għan-normalità li konna ngħixu qabel il-pandemija.
Minkejja dan l-iżvilupp pożittiv li ilna nixtiquh, quddiemna issa, bħal bqija tal-pajjiżi Ewropej, għandna theddida ġdida, theddida ġejja mill-gwerra bla sens li nħolqot bl invażjoni Russa tal-Ukrajna. Huwa kunflitt dan li seta’ ġie evitat mhux bil-forza militari jew bil-bumbardamenti imma permezz tad-djalogu u d-diplomazija.
Imma jidher li d-diplomazija din id-darba falliet ukoll. Huwa evidenti għalhekk li l-Jum dinji ddedikat lill-Ħaddiem din is-sena se jkun imgeżwer fil-konsegwenzi ta’ din il gwerra; telfien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, skarsezzi ta’ oġġetti essenzjali, żidiet tremendi fil-prezzijiet partikularment tal-enerġija u fuq kollox kriżi umana ta’ familji sħaħ spustjati minn darhom u refuġjati.
F’din it-traġedja umana għalhekk, bħala Maltin, iktar u iktar aħna bħala trejdunjonisti li nemmnu fil-prinċipju tas-solidarjetà, għandna nibqgħu nkunu ta’ sostenn ma’ min għaddej minn tbatija. Għax nemmnu li solidarjetà m’għandhiex tkun biss bejnietna l Maltin imma wkoll ma kull min hu għaddej minn mumenti diffiċli, hu min hu u hu fejn hu.
F’dan il-mument, is-solidarjetà internazzjonali hija meħtieġa iktar minn qatt qabel u ta’ dan Malta diġà tat prova tal-ġenerożità kbira tagħha ma’ min jeħtieġ l-għajnuna. Bħala poplu, hekk irridu nkomplu nagħmlu biex verament nipprattikaw dak li nemmnu fih.
Nawgura Jum il-Ħaddiem mill-aqwa lill-ħaddiema kollha u l-familji tagħhom.