Written by Commercio, Economia, Home, Mondo e Cronaca, News, Politica

Il-Ħaddiema fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi jħossuhom minsijin għal 27 sena

Il-GWU Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi qed tistenna risposta sabiex wara tant snin issir ġustizzja mal-ħaddiema fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Fis-seba’ leġiżlatura (1992-1996) eżattament fl-1994 il-Gvern impona kundizzjonijiet inferjuri fuq l-Uffiċjali tal-Ħabs, kienu inferjuri meta wieħed jikkomparahom ma’ ħaddiema oħra fis-servizz pubbliku fl-istess żmien.

Sfortunatament xejn ma nbidel bejn it-tmien u t-tnax il-leġiżlatura. Allura nistgħu ngħidu li l-Uffiċjali tal-Ħabs għamlu 23 sena b’kundizzjonijiet inferjuri ma’ ħaddiema oħra tas-servizz pubbliku.

Fit-tlettax-il leġiżlatura li bdiet fl-2017 l-affarijiet bdew jiċċaqalqu però għadu ma ntlaħaq l-ebda kompromess u fl-istess żmien għaddew kważi 4 snin oħra fejn l-Uffiċjali tal-Ħabs għadhom b’kundizzjonijiet anqas minn ħaddieħor.

F’Jannar tal-2018 il-Kumitat għall-Uffiċjali Korrettivi fi ħdan il-GWU ssottometta proposti li jagħtu valur xieraq għax-xogħol li jwettqu dawn il-Ħaddiema.

Fit-22 ta’ Marzu 2021, wara diversi xhur intemmu n-negozjati mal-entitajiet konċernati. Jiġu milqugħa diversi proposti, iżda l-pakkett finanzjarju għadu mhux wieħed li jirrifletti l-valur tax-xogħol ta’ dawn l-uffiċjali.

Fit-23 ta’ Marzu 2021, il-kumitat għall-Uffiċjali Korrettivi fi ħdan il-GWU jiltaqa’ mal-Onorevoli Ministru Byorn Camilleri fejn ġiet preżentata lilu ittra biex tittella’ fil-kabinett tal-Ministri. Din l-ittra tappella lill-Gvern sabiex jiġu milqugħa l-proposti kollha li ressqet il-Union għan-nom ta’ dawn il-Ħaddiema.

Fil-5 ta’ April 2021, il-GWU għadha qed tistenna risposta sabiex wara tant snin issir ġustizzja ma’ dawn il-Ħaddiema. Il-Gvern għandu l-opportunità li juri bil-fatti li verament għandu għal qalbu lil dawn il-Ħaddiema, is-Sigurtà Nazzjonali u li qed jinvesti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.