TOP


GWU

 

09/07/2018

Kompetizzjoni Disinn ta' Logo Fondazzjoni Reggie Miller


Regolamenti

1. Tema 

Il-Fondazzjoni Reggie Miller hija l-fergħa edukattiva tal-General Workers’ Union, l-akbar għaqda tal-ħaddiema f’Malta. Sa mill-ħolqien tagħha l-GWU dejjem tat importanza għat-taħriġ tal-imsieħba u familji tagħhom, kif ukoll tal-ħaddiema. Il-ħolqien tal-Fondazzjoni Reggie Miller kellu l-għan li dan it-taħriġ ikun aktar strutturat u ta’ livell mixtieq. 

2. Għan 

L-għan ta’ din il-kompetizzjoni hu li l-Fondazzjoni Reggie Miller ikollha logo li jiddefinixxiha u li immedjatament jiddistingwiha minn organizzazzjonijiet oħra simili. Għaldaqstant huwa importanti li l-isem fil-logo jidher b’mod ċar u sħiħ. Kif ukoll li l-logo jkun disinn oriġinali. 

3. Parteċipazzjoni 

Kulħadd jista’ jipparteċipa f’din il-kompetizzjoni. Studenti tal-arti u tad-disinn grafiku huma mħeġġa li jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni, kemm jekk b’mod individwali kif ukoll fi gruppi. L-istudenti huma mħeġġa li jippubblikaw din il-kompetizzjoni fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni u soċjali tagħhom. 

4. Data tal-għeluq 

Id-data tal-għeluq ta’ din il-kompetizzjoni hija: l-10 ta’ Awwissu 2018 Mhu se tkun aċċettata l-ebda sottomissjoni ppreżentata wara din id-data. 

5. Dettalji Tekniċi 

Kull parteċipant f’din il-kompetizzjoni għandu jippreżenta d-disinn propost tiegħu f’format bil-kulur. Dan flimkien ma’ kopja f’abjad u iswed, ‘greyscale’ u ‘unicolor outline.’ Id-disinni proposti għandhom ikunu ppreżentati bħala ‘vectors’ bil-għan li jkun garantit li jistgħu jitkabbru skont il-ħtieġa mingħajr ma jkun hemm telf fid-dettall tagħhom. Kull sottomissjoni trid tkun ippreżentata f’format EPS (vector) bil-kuluri jkunu fil-format CMYK. Il-parteċipanti huma mitluba wkoll li jipprovdu kull sottomissjoni tagħhom f’dawn il-formati: JPEG, PNG Reżoluzzjoni ta’ 300 dpi għall-istampar u reżoluzzjoni ta’ 72 dpi għall-użu fuq l-internet U f’qisien ta’ għoli jew wisgħa ta’ 50 pixels, 100 pixels u 600 pixles. 

Il-parteċipanti għandhom jindikaw b’mod ċar x’tip ta’ tipa (font) intuża. Il-parteċipanti ma għandhomx jinkorporaw xi tip ta’ marka jew dettalji personali fil-logos sottomessi. 

Il-parteċipanti għandhom jippreżentaw deskrizzjoni ta’ mhux aktar minn 250 kelma dwar x’qed jirrappreżenta d-disinn sottomess, il-kodiċi ta’ kuluri użati fil-format CMYK (u l-ekwivalenti tagħhom f’RGB u HTML) u dettalji tekniċi oħra importanti. 

Il-parteċipanti għandhom jiddikjaraw li d-disinn/disinji sottomessi minnhom huma xogħol oriġinali u ma jkunux f’kunflitt mal-interessi ta’ partijiet terzi. Id-disinn sottomess m’għandux jinkludi fih kontenut mhux approprjat jew li jmur kontra l-interessi u l-prinċipji tal-General Workers’ Union. 

Kull sottomissjoni għandu jkollha d-dettalji ta’ min qed jippreżentaha: Isem u Kunjom, indirizz, numru tal-mobile u tal-linja fissa, numru tal-Karta tal-Identità, u email validu peress li se jkun il-mezz li bih se ssir il-komunikazzjoni. 

6. Aġġudikazzjoni 

L-aġġudikazzjoni se ssir fuq erba’ kriterji prinċipali li kollha għandhom massimu ta’ 10 punti: Is-sottomissjoni nnifisha dwar kemm din tirrifletti l-missjoni tal-Fondazzjoni Reggie Miller l-oriġinalità u r-relevanza tad-disinn l-estetika u l-impatt viżiv u kif se jkun affettwat l-użu tagħha fid-diversi midja użati bbażata fuq l-adattibilità tal-istess disinn L-għażla u t-tħabbira tas-sottomissjoni magħżula se ssir permezz ta’ stqarrija ppubblikata fuq l-mezzi tal-midja tal-GWU. Il-parteċipant tas-sottomissjoni magħżula se jirċievi premju ta’ €750. 

7. Termini u kundizzjonijiet 

Kull sottomissjoni għandha ħlas ta’ €50. Il-parteċipanti jistgħu jissottomettu aktar minn sottomissjoni waħda. Kull sottomissjoni trid tkun akkumpanjata minn formola ta’ reġistrazzjoni li tinkiseb. Il-Kumitat tal-għażla jirriżerva d-dritt li jelimina kwalunkwe sottomissjoni li jqis li tmur kontra Regolament 5 jew li ma jagħżel minn l-ebda sottomossjoni. Id-deċiżjoni tal-kumitat tal-għażla hija finali.

Il-parteċipanti għandhom jirrinunzjaw mid-drittijiet intelletwali tad-disinni sottomessi.

Id-disinjatur tas-sottomissjoni rebbieħa għandu wkoll jirrinunzja għad-drittijiet kollha tal-awtur fuq id-disinn magħżul. 

Il-GWU tirriżerva d-dritt li tadatta, tuża parti jew tibdel id-disinn magħżul bil-għan li dan jintuża skont kif ikun il-bżonn biex jirrappreżenta lill-Fondazzjoni Reggie Miller skont il-ħtieġa. 

Il-GWU tirriżerva d-dritt li tħassar jew twaqqaf il-kompetizzjoni, mingħajr ma hija tinżamm responsabbli għal kwalunkwe telf li l-parteċipanti jsofru bis-sottomissjoni tagħhom. 

Mal-ħlas tal-miżata ta’ €50 fl-uffiċċju tal-General Workers’ Union, fil-Workers’ Memorial Building fi Triq Nofsinhar fil-Belt Valletta, il-parteċipanti se jingħataw id-dettalji ta’ kif għandhom jissottomettu l-materjal kollu marbut mad-disinn tal-logo tal-Fondazzjoni Reggie Miller. 

8. Ftehim 

Il-parteċipanti li se jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni se jagħmlu dan wara li jkunu qraw u qablu ma’ dawn ir-regolamenti. 

 

TMIEM