TOP


GWU

 

Il-GWU ma taqbilx mas-sospensjoni tal-avviżi legali



22082018

Il-General Workers’ Union b’mod assolut ma’ taqbilx mas-sospensjoni tal-avviżi legali li emendaw artikli fil-liġijiet tax-xogħol u li kellhom l-għan li jiċċaraw diversi anomaliji fl-interpretazzjoni tal-istess liġijiet. Il-GWU bħal dejjem lesta li tiddiskuti, iżda fuq il-prinċipji żgur li mhux se tiċċaqlaq minnhom.

Bil-kontra ta’ dak li ngħata x’wieħed jifhem, dawn l-avviżi legali kienu diskussi matul dawn l-aħħar sentejn f’diversi laqgħat fl-Employment and Relations Board. Il-GWU kienet ewlenija, biex flimkien ma’ imsieħba soċjali oħra, ressqet proposti għal riformi fil-liġijiet tax-xogħol bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-imsieħba tagħha u tal-ħaddiema b’mod ġenerali, u fuq kollox jiġu indirizzati l-anomaliji. Ta’ min wieħed jgħid li wħud mill-provedimenti fl-avviżi legali diġà kienu fis-seħħ għal parti l-kbira tal-ħaddiema koperti bi ftehim kollettiv kif diskuss u misksub mill-Union. Kien għalhekk loġiku li l-kumplament tal-ħaddiema - għandhom jew m’għandhomx rappreżentanza trejdunjonistika - ikollhom l-istess drittijiet u kundizzjonijiet li jagħmlulhom ħajjiethom aħjar fuq il-postijiet tax-xogħol. 

Il-GWU ma tistax tifhem għaliex, fost miżuri oħra, wieħed jista’ jkun kontra li l-ħaddiema fil-ġurnata tal-paga tagħhom jingħataw irċevuta (payslip) li fuqha b’mod dettaljat ikun hemm stampat il-ħlas li jirċievu. Din hija miżura sempliċi li eluf oħra ta’ ħaddiema ilhom is-snin jingħataw u li tagħmel lill-kumpanija kontabbli fl-osservanza tal-liġijiet u tal-kuntratt tax-xogħol.

Fl-istess waqt x’fiha ħażin li leave li ma jkunx ittieħed jiġi mġedded għas-sena ta’ wara. Kemm-il darba smajna b’każi fejn ħaddiema jkollhom talbiet għal-leave mhux approvati jew leave ikkanċellat u fl-aħħar tas-sena jiġu infurmati li dan intilef.

Bħala sieħba soċjali nazzjonali, li nirrappreżentaw ’il fuq minn nofs il-ħaddiema li huma msieħba fi trejdunjin, naqblu ma’ dawn l-avviżi legali mhux biss għaliex huma fost il-proposti li ressqet il-GWU, iżda wkoll għaliex nafu li se jagħmlu d-differenza. Nemmnu li bħal ħaddiema, li għandhom dmirijiet u obbligi x’jaqdu lejn il-post tax-xogħol tagħhom, min iħaddem għandu l-obbligu li jirrispetta lill-ħaddiema u jkun onest fil-mod kif jittrattahom. 

F’dinja tax-xogħol li kontinwament qed tinbidel u bi profitti għal min iħaddem dejjem jiżdiedu, il-ħaddiema bi dritt jistennew li issa jkunu parteċipi fis-suċċess li qed jesperjenza kull post tax-xogħol u l-pajjiż. 

Dan kollu juri li biex itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom il-ħaddiema għandhom jissieħbu fil-Union illum u mhux jistennew snin biex ikunu trattati daqs ħaddieħor. L-impenn għal titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol il-GWU ilha twettqu għal dawn l-aħħar 75 sena, u hekk bi ħsiebha tkompli tagħmel għas-snin li ġejjin. Għall-GWU ‘Il-Futur Huwa Issa’.