TOP


GWU

 

Il-GWU u l-Gvern fi qbil dwar il-parkeġġ f’Mater Dei



13082018

Wara perjodu ta’ diskussjonijiet il-General Workers’ Union u l-Gvern waslu fi qbil fejn l-istess Gvern se jassumi l-ispiża għall-provvista ta’ parkeġġ b’xejn għall-ħaddiema tal-kuntrattur preċedenti li kien jopera l-parkeġġ. Barra hekk il-GWU tkellmet ukoll u waslet fi qbil biex ħaddiema li ma jużawx il-vettura privata tagħhom jingħataw allowance ta’ €18 biex tkun ta’ inċentiv ħalli jużaw transport alternattiv. 

Dan il-qbil huwa fl-ispirtu tat-talba oriġinali mressqa mill-GWU biex il-ħaddiema ma jbatux riperkussjonijiet finanzjarji bla bżonn. Ta’ min jgħid li l-allowance ta’ €18 se tingħata wkoll lill-ħaddiema kollha tal-kuntratturi li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u li oriġinarjament ma kienux parti mill-kwistjoni dwar il-parkeġġ fl-isptar.
Is-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi tal-GWU Theo Vella stqarr li dan il-qbil wera biċ-ċar li meta jkun hemm rieda tajba minn kulħadd jinstabu soluzzjonijiet fl-aħjar interess ġenerali, anke jekk kien hemm mumenti fejn il-GWU kellha tieħu azzjoni industrijali biex tħares l-interess tal-imsieħba tagħha: “Azzjonijiet, li bl-ebda mod ma kellhom effett fuq il-pazjenti.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU Charles Galea jisħaq li l-kisba ta’ dan il-qbil seħħet minkejja li kien hemm min kien qed jagħmel ostakli u anke jinfluwenza negattivament lill-ħaddiema: “Fl-aħħar mill-aħħar id-diskussjonijiet ħallew il-frott mixtieq, tant li l-ħaddiema ma tilfu xejn minn dak li kienu jgawdu qabel. Aktar minn hekk hemm inċentiv ukoll biex il-ħaddiema jużaw trasport alternattiv li issa huwa ssussidjat.”
Is-Segretarji Vella u Galea filwaqt li esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-ftehim milħuq irringrazzjaw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għax-xogħol siewi fid-diskussjonijiet kif ukoll lill-Prim Ministru u lid-Deputat Prim Ministru għall-interess li ħadu fil-kwistjoni u li kienu element ewlieni biex seta’ jintlaħaq dan il-qbil