TOP


GWU

 

Il-GWU bi ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Mizzi Motors



12082018

Il-General Workers’ Union u l-kumpanija Mizzi Motors iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-kumpanija li permezz tiegħu se jkunu qed jibbenefikaw minn żidiet sostanzjali fil-paga u titjib fil-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Dan il-ftehim kollettiv se jibqa’ fis-seħħ sal-2020.

Is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-GWU David Darmanin stqarr li dan il-ftehim huwa turija tal-andament tajjeb fis-suq fejn il-kumpanija esperjenzat riżultati pożittivi: “Huwa wkoll turija tar-relazzjoni u rispett li jeżisti bejn iż-żewġ naħat, li matul is-snin kienu ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiema u msieħba fil-GWU kif ukoll għall-istess kumpanija.”

Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-GWU David Darmanin u mix-Shop Stewards Simon Zammit u Saviour Caruana. F’isem il-kumpanija ffirmaw id-Direttur Maniġerjali Ian Mizzi, l-Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet Maurizio Micallef u l-Kap għar-Riżorsi Umani u Amministrazzjoni Marvic Mifsud Taylor.