TOP


GWU

 

Il-GWU mħassba dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’Palumbo



09082018

Wara li lbieraħ seħħ aċċident fuq il-post tax-xogħol fit-Tarzna ta’ Palumbo li kawża tiegħu ħaddiema spiċċaw l-isptar, għal darb’oħra l-General Workers’ Union turi t-tħassib tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-livelli ta’ saħħa u sigurtà li qed jaħdmu fihom it-tarznari ta’ Palumbo. Il-GWU ilha snin titkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’din it-tarzna u l-perikli li jeżistu minħabba nuqqas ta’ tħaris għall-kundizzjonijiet aħjar dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. 

Il-pożizzjoni tal-Union dejjem ġiet iffaċċjata b’ostilità u theddid fuq l-impjieg tal-ħaddiema li riedu lill-Union titkellem f’isimhom biex l-aċċident li seħħ ilbieraħ, u oħrajn bħalu li seħħew fis-snin li għaddew, ikunu evitati. 
Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU Jesmond Marshall stqarr li huwa tal-mistħija kif ħaddiem li weġġa’ fuq il-post tax-xogħol skont kif kien rappurtat ittieħed l-isptar permezz ta’ karozza privata u mhux b’ambulanza li jkollha paramediċi li setgħu jagħtu l-ewwel għajnuna lill-ħaddiem korrut. Qal li sitwazzjoni bħal din mhijiex aċċettabbli għaliex taf tqiegħed il-ħajja ta’ dan il-ħaddiem f’periklu sħiħ. 
Tenna li l-mod kif seħħ l-aċċident, il-mod kif ingħatat l-ewwel għajnuna, u l-fatt li nfetħet inkjesta maġisterjali fuq dan il-każ, huma indikazzjonijiet biżżejjed biex il-ħaddiema ma jibqgħux aktar beżgħana u maħkuma minn forma jew oħra ta’ intimidazzjoni. Is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni tal-GWU Jesmond Marshall iddikjara li l-GWU għandha l-bibien miftuħin għat-tarznari tat-tarzna ta’ Palumbo għaliex temmen li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jkunu trattati ta’ ħaddiema tat-tieni klassi. 
Il-GWU temmen li fid-dawl tal-aċċident fit-tarzna ta’ Palumbo, l-Awtorità Dwar is-Saħħa u Sigurtà għandha tagħmel spezzjonijiet aktar kontinwi biex qatt ma jerġa’ jkun hemm traġedji bħal ma seħħ u kien hemm fis-snin li għaddew.