TOP


GWU

 

Għall-GWU mhux aċċettabbli d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-ftehim milħuq



04082018

Il-General Workers’ Union infurmat lil Gvern li mhuwiex aktar aċċettabbli li sal-lum għadu mhux implimentat il-ftehim li jirrigwarda l-ħaddiema fuq Fondi Ewropej. Fi Frar li għadda l-GWU u l-Gvern laħqu qbil dwar proċess li bih kienet se tkun eliminata anomalija diskriminatorja fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema. Iżda jidher li hemm elementi fis-servizz pubbliku li qed iżommu milli dan l-istess ftehim jidħol fis-seħħ.

It-tilwima industrija bdiet wara li s-servizz pubbliku naqas milli jagħti kuntratt ta’ xogħol indefinit lil grupp ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq fondi Ewropej. Irriżulta li filwaqt li ħaddiema oħra taċ-ċivil kellhom il-kuntratti definiti tagħhom konvertiti f’kuntratti indefiniti, skont kif indikat mill-proċeduri ġodda taċ-ċivil li daħlu fis-seħħ fl-2017, il-ħaddiema fuq Fondi Ewropej ġew eżentati minn din il-bidla.

Il-GWU sostniet li jrid ikun hemm distinzjoni bejn ħaddiema li fiċ-ċivil jiġu ingaġġati fuq kuntratti definiti biex imexxu proġetti għall-perjodu stabbilit, u ħadiema taċ-ċivil li sena wara l-oħra jimpenjaw ruħhom biex iħaddmu s-sistema ta’ tqassim ta’ fondi, kontabilità tal-proġetti kif ukoll jaraw li l-imsemmija proġetti jitlestew fil-ħin. Dawn il-ħaddiema għal daqstant ma jistgħux jitqiesu li qed jaħdmu fuq perjodu definit iżda, ix-xogħol tagħhom huwa rikorrenti għaliex huwa marbut mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan il-GWU rreġistrat tilwima industrijali li fiha talbet li l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema mas-servizz pubbliku jkun wieħed indefinit. Din it-talba saret ukoll fl-isfond li l-Gvern stess b’avviż fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Jannar 2015 kien daħħal provvediment għal dawk li kienu se jkunu magħżula bħala Kap (Programm Operattiv) fil-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Twettieq tal-Manifest Elettorali, fejn fih kienu se jingħataw kuntratt indefinit. Dan il-provvediment, 2.5, kien jgħid li l-‘Meta jintemmu żewġ perjodi ta’ kariga ta’ tliet snin-il wieħed bħala Head (Operational Programme), il-persuna magħżula tinħatar sostantivament bħala uffiċjal fi Grad 4 fis-servizz Pubbliku ta’ Malta…’

Wara perjodu ta’ diskussjonijiet intlaħaq qbil biex dan isir. Iżda diġà għaddew ħames xhur mill-ftehim u dan baqa’ mhux implimentat. Fin-nuqqas li f’qasir żmien il-ftehim ma jkunx implimentat il-GWU tinsab lesta li tieħu dawk il-passi meħtieġa biex tħares l-intess tal-imsieħba tagħha.