TOP


GWU

 

Il-GWU b’direttivi lin-Nursing Aides?



04072018

Ma jagħmlux xogħol li hu tal-infermiera jew mingħajr superviżjoni

Fid-dawl tal-azzjonijiet industrijali mħabbra mill-unjin tal-infermieri, il-General Workers’ Union permezz tat-Taqasima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, infurmat lil Ministeru tas-Saħħa li biex tħares lill-imsieħba tagħha fis-settur tas-saħħa qed tagħti direttivi biex dawn l-impjegati ma jaċċettawx li jagħmlu xogħol li s-soltu jsir minnhom taħt superviżjoni ta’ infermier. 
Għaldaqstant it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi infurmat lill-imsieħba tagħha fil-gradi ta’ Nursing Aide, Health Assistant, Careworker, Assistant Care Worker, Social Assistant jew grad ieħor relatat mal-kura tal-pazjenti – inkluż impjegati tal-kuntrattur – biex ma jgħamlux forom ġodda ta’ xogħol li s-soltu jsiru minn infermiera kwalifikati. Fl-istess waqt l-istess impjegati għandhom iżommu lura milli jagħmlu xogħol li n-natura tiegħu titlob li dan isir taħt superviżjoni tal-infermieri. 
Il-GWU fl-istess waqt qed tgħid li għal ġid tal-pazjenti x-xogħol li s-soltu jsir mill-impjegati, fil-gradi msemmija, taħt superviżjoni ta’ infermier jista’ jibqa’ jsir kemm-il darba l-awtoritajiet responsabbli jipprovdu tali superviżjoni minn professjonist li jkun qed jassumi kull responsabbiltà.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Jeremy James Camilleri stqarr li d-direttivi ta’ azzjonijiet min-naħa tal-union tal-infermiera se jkollhom impatt dirett fuq l-imsieħba tal-union fil-qasam tas-saħħa kemm fl-isptarijiet kif ukoll fid-djar tal-anzjani: “Il-GWU trid tipproteġi d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-imsieħba u ma tistax taċċetta li jitpoġġew f’pożizzjoni fejn jassumu responsabbiltà li mhijiex tagħhom. Dan qed nagħmluh ukoll fl-interess tal-pazjenti li qegħdin jingħataw kura u attenzjoni fl-isptarijiet u djar tal-anzjani tal-istat.” Saħaq li l-union tawgura li tinstab soluzzjoni li tkun ta’ ġid għal dawk kollha involuti.