TOP


GWU

 

Il-GWU b’tilwima industrijali mal-Gvern dwar il-kundizzjonijiet tal-veterinarji



04072018

Il-General Workers’ Union, permezz tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi rreġistrat tilwima industrijali mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, dwar il-kundizzjonijiet tal-veterinarji fid-Direttorat dwar ir-Regolamentazzjoni Veterinarja. It-Taqsima tistqarr li minkejja li d-diskussjonijiet dwar ftehim settorjali ġdid ilhom għaddejjin sa mill-2016, sal-lum il-Gvern għadu ma ppreżentax proposta li tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-imsieħba tagħha. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Charles Galea jisħaq li s-servizz li jipprovdu l-impjegati tad-Direttorat huwa wieħed professjonali u meħtieġ għall-pajjiż: “Huwa xogħol dawn l-impjegati li jaraw li dawk kollha li huma involuti fl-industrija tal-ikel ikunu qed isegwu u jissodisfaw ir-rekwiżiti legali dwar is-saħħa tal-annimali, il-kwalità tal-għalf, u l-kwalità tal-ikel prodott.”
Għaldaqstant il-GWU ma kellha l-ebda alternattiva oħra ħlief li tirreġistra tilwima industrijali. Sadanittant il-GWU tibqa’ dejjem disposta li tiltaqa’ f’laqgħa ta’ konċiljazzjoni biex tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għal kulħadd.