TOP


GWU

 

Il-ħaddiema ta’ l-ERL b’kundizzjonijiet aħjar wara ftehim mal-GWU



02062018

Grazzi għall-ftehim kollettiv ġdid iffirmat bejn il-General Workers’ Union u l-Engineering Resources Ltd, il-ħaddiema ta’ din l-entità qed igawdu minn żieda fil-paga u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. L-iffirmar ta’ dan il-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma.

Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija Rita Dimech qalet li dan il-ftehim kollettiv mhux biss qed itejjeb il-pagi u numru ta’ allowances, iżda wkoll qed jaġġorna l-istess kundizzjonijiet għaż-żminijiet tal-lum. Saħqet li: “Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv il-ħaddiema qegħdin ikunu rikonoxxuti tal-ħidma li jwettqu u qed ikunu inċentivati biex itejbu dejjem aktar il-prestazzjonijiet tagħhom.” Dimech irringrazzjat ukoll lill-managment ta’ din l-entità li għaraf il-potenzjal tal-ħaddiema u l-ħtieġa li dawn ikomplu jkabru l-ħiliet tagħhom. 

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li permezz ta’ l-ftehim, li ntlaħaq wara diskussjonijiet li saru bejn iż-żewġ naħat, il-ħaddiema tal-ERL se jkollhom kundizzjonijiet aħjar fix-xogħol tagħhom. Qal li dan ifisser li l-ERL qed tirrikonoxxi x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema u li l-valur ta’ dan ix-xogħol qed jiġi apprezzat. 
Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU Rita Dimech u mill-President tat-Taqsima Mario Dalli. F’isem l-Engineering Resources Ltd iffirmaw l-Inġinier Frederick Azzopardi Chairman tal-ERL, l-Inġinier Raymond Azzopardi General Manager u l-Inġinier Patrick Gauci HR & IR Manager.