TOP


GWU

 

Il-GWU sodisfatta bl-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew tal-emendi għad-direttiva dwar l-ippustjar ta’ ħaddiema



31052018

Wara kampanja qawwija mill-moviment trejdunjonista Ewropew il-Parlament Ewropew fl-aħħar aċċetta u approva l-emendi għad-Direttiva dwar l-Ippustjar ta’ Ħaddiema bejn l-istati membri. Dan ifisser li fl-Ewropa se jiġu eliminati l-każi ta’ ‘Social Dumping’ billi ħaddiema Ewropej li jintbagħtu jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea se jibdew igawdu mill-kundizzjonijiet vantaġġjużi ta’ dak li pajjiż li qed jaħdmu fih. Din hija rebħa kbira għall-ħaddiema madwar l-Ewropa għax mhux se jkunu aktar vittmi tal-isfruttaturi tax-xogħol li jimpurtaw ħaddiema barranin u jħallsuhom pagi anqas milli kieku jagħtu lil dawk lokali. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-vot pożittiv, jistqarr li ma kinitx faċli: “Madwar sentejn ilu grupp ta’ unions nazzjonali fi ħdan l-Eżekuttiv tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), ftehmna li niktbu lill-President tal-Kummissjoni Ewropea biex din id-direttiva tiġi riveduta; kif ukoll ktibna lill-Parlament Ewropew nispjegaw kif din id-direttiva qed tiġi abbużatha u qed jinħoloq ‘social dumping’. Waqt li konna għaddejjin b’din il-ħidma grupp ta’ pajjiżi mi-Lvant tal-Ewropa kienu pruvaw jwaqqfu l-proċess billi użaw dak li jissejjaħ ‘yellow card’. Saret pressjoni wkoll minn naħa tal-Workers’ Group fi ħdan l-ECOSOC. Wara proċess sħiħ ta’ approvazzjoni t-Tlieta kien hemm l-aħħar vot.” 
Grazzi għal din id-deċiżjoni se jissaħħaħ il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali: “B’dawn l-emendi issa l-ħaddiema Ewropej jafu li mhux se jibqgħu aktar sfruttati. Din hija rebħa għall-kollegi tagħna li ġejjin minn ekonomiji fejn il-pagi għadhom baxxi. Konna ftit diżappuntati minħabba li għandha sentejn biex tidħol u s-settur tat-transport għalissa mhux inkluż. Imma dan huwa l-bidu.”
Tenna li bħala GWU: “Inħossuna kburin u sodisfatti li konna parti minn kampanja mifruxa mal-Unjoni Ewropea fejn tajna s-sehem tagħna biex qatt aktar ma jkun hawn ħaddiema sfruttati. Issa għalhekk nemmnu li biex dan il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali jkompli jissaħħaħ, f’pajjiżna dan l-istess prinċipju jitwessa u jibda jgħodd ukoll għall-ħaddiema li huma impjegati ma’ kuntratturi u aġenziji temporanji li jagħtu s-servizz tagħhom f’kumpaniji terzi. Jekk dan il-prinċipju jitwessa, pajjiżna jkun qed jagħlaq l-opportunitajiet għal dawk li jridu jistgħanaw minn fuq xogħol il-ħaddiema.”
L-emendi waslu wara diversi battalji legali minn ħaddiema u trejdunjins Ewropej minħabba l-interpretazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar l-Ippustjar ta’ Ħaddiema. Il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) li minnha tifforma parti l-GWU, ilha sa mill-2007 tikkampanja għal reviżjoni ta’ din id-direttiva. Bil-vot kif meħud fil-Parlament Ewropew, l-istati memebri għandhom perjodu ta’ sentejn biex jintroduċu dawn l-emendi fil-leġiżlazzjonijiet ta’ pajjiżhom.