Fis-16 ta’ Ottubru 2023, il-General Workers’ Union organizzat laqgħa online “GREENET: Immexxu ‘l quddiem it-tranżizzjoni ekoloġika b’mod ġust u soċjalment responsabbli – każi ta’ setturi tal-industrija, tal-enerġija u tat-trasport”.
Dan huwa proġett immexxi mill-GWU, ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm “Kundizzjonijiet tax-Xogħol u Djalogu Soċjali”. Għal din il-laqgħa pparteċipaw rappreżentanti mill-GWU flimkien ma’ msieħba mill-Bulgarija, Polonja, Slovakkja, Turkija, Spanja, Serbja, Litwanja, Latvja, Maċedonja ta’ Fuq u Portugall. Flimkien iddiskutew l-għanijiet, il-metodoloġija tal-ħidma u l-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati matul l-għoxrin xahar li ġejjin.
Matul din il-laqgħa ġie enfasizzat l-għan ewlieni tal-proġett: il-promozzjoni ta’ tranżizzjoni ġusta u ekoloġika fis-setturi tal-industrija, tal-enerġija u tat-trasport. Speċifikament, il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali transsettorjali f’dawn is-setturi, li jinfluwenza d-djalogu soċjali Ewropew biex jiżguraw li t-tranżizzjoni għan-newtralità tal-karbonju fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiffaċċja riskji relatati mas-sigurtà tal-enerġija u l-COVID-19, tibqa’ soċjalment ġusta u affordabbli għaċ-ċittadini u l-ħaddiema Ewropej kollha.