TOP


GWU

 

Il-GWU tiffirma ftehim kollettiv ġdid għal-gwardjani tas-sigurtà tal-Freeport



30052018

Il-General Workers’ Union u l-Korporazzjoni tal-Port Ħieles ta’ Malta ffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-gwardjani tas-sigurtà li grazzi għalih se jkunu qed jitjiebu l-pagi, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u benefiċċji oħra. Dan il-ftehim se jibqa’ fis-seħħ sal-2021. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Jeremy Camilleri stqarr li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid, kienet rikonoxxuta l-ħidma importanti li jwettqu l-gwardjani tas-sigurtà ġewwa l-Port Ħieles. Huwa qal li grazzi għat-titjib li sar l-ħaddiema se jkunu inċentivati aktar li jkomplu jsaħħu u jtejbu s-servizz tagħhom. Qal ukoll li bħala GWU se jkompli jħares ’il quddiem lejn aktar koperazzjoni bejn it-Taqsima u l-Korporazzjoni tal-Port Ħieles ta’ Malta. 

Il-Ftehim Kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Jeremy Camilleri, mill-Assistent Segretarju George Zahra u mix-Shop Steward Clint Cutajar. F’isem il-Korporazzjoni tal-Port Ħieles ta’ Malta ffirmaw iċ-Chairman tal-Korporazzjoni Robert Sarsero, il-Kap Eżekuttiv David Magro u ċ-Chief Security Officer Clayton Fiteni. Il-ftehim kien iffirmat ukoll fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u tal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.