TOP


GWU

 

Il-GWU qed tagħti l-appoġġ tagħha għall-mixja ta’ solidarjetà mal-Pulizija



17052018

Il-General Workers’ Union se tagħti l-appoġġ kollu tagħha għall-mixja ta’ solidarjetà mal-membri tal-Korp tal-Pulizija li hija organizzata mill-unjins li jirrappreżentawhom. Dan qed tagħmlu għaliex temmen li bħal kull ħaddiem ieħor f’pajjiżna l-membri tal-Korp tal-Pulizija għandhom igawdu rispett lejn il-ħidma li jwettqu. Għaldaqstant huwa inaċċettabbli li f’pajjiżna jibqgħu jseħħu każi ta’ aggressjoni fuq il-membri tal-korp tal-pulizija.

Għal din ir-raġuni, il-GWU tħoss li jinħtieġ li jintbagħat messaġġ kontra kull tip ta’ vjolenza fuq il-pulizija, u fuq kull min iservi biex iħares lill-pajjiż u liċ-ċittadini tiegħu. Il-GWU titlob lill-awtoritajiet biex jagħtu attenzjoni għal dan l-aħħar każ u jagħtu sinjal li mhux se jibqgħu jkunu tollerati każi simili billi jdaħħlu miżuri b’pieni aktar ħorox għal kull min jinstab ħati li b’xi mod aggredixxa membru tal-korp tal-pulizija.

Huwa għalhekk li l-GWU filwaqt li tikkonferma li se tattendi għal din il-mixja ta’ solidarjetà organizzata mill-POU-GWU, l-MPA u l-MARPO, tagħmel sejħa lill-organizzazzjonijiet u lill-pubbliku biex nhar is-Sibt filgħodu jingħaqdu magħha u juru s-solidarjetà tagħhom lill-membri tal-Korp tal-Pulizija