TOP


GWU

 

?Kburin Li Konna Protagonisti Fit-Tibdil ta’ Pajjiżna?



28042018

Il-GWU tfakkar is-sittin anniversarju tal-Istrajk Ġenerali tat-28 ta’ April, meta numru ta’ attivisti sfaw arrestati mill-Awtoritajiet Kolonjali ta’ dak iż-żmien.

L-istrajk ġenerali tat-28 ta' April tal-1958 huwa meqjus minn ħafna bħala punt kruċjali għall-istorja ta' pajjiżna. Il-protesti ta' dakinhar, li wasslu għall-arrest ta’ diversi attivisti tal-General Worker’s Union, wittew it-triq għal pajjiżna biex, fost l-oħrajn, jikseb l-Indipendenza u l-Ħelsien mill-Gvern Ingliż.

"Illum, sittin sena wara dawk l-avvenimenti, bħala General Workers’ Union inħossuna kburin li konna strumentali u protogonisti flimkien mal-Partit Laburista fit-tibdil soċjo-ekonomiku u politiku ta’ pajjiżna." Dan tennieh is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja, waqt ċerimonja tat-tfakkir għall-ġrajjiet tat-28 ta' April 1958. 

Bugeja ddeskriva din il-protesta bħala "ġlieda għax-Xogħol u l-Ħelsien. Għaddew is-snin, u bħala General Workers’ Union bqajna nsegwu l-passi tal-fundaturi tagħna, billi mhux biss iddefendejna u ħarisna d-drittijiet tal-ħaddiema, iżda b’mod attiv ħdimna, tejjibna l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-ħidma tagħna marret lil’hinn minn hekk: aħna ħdimna biex attirajna investiment ġdid lejn pajjiżna biex jitkattar ix-xogħol."

Hekk kif Bugeja reġa għamel referenza għat-tema magħżula mill-GWU għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 sena anniversarju, il-Futur Huwa Issa, Bugeja ddeskriva kif dan il-messaġġ “qiegħed jitlobna li nkunu viġilanti u b’determinazzjoni, filwaqt li nipproteġu lill-investimenti f’pajjiżna, naraw li s-suċċess miksub jinħass minn kull ħaddiem. Għalhekk qed insaħħu l-ħidma tagħna fil-postijiet tax-xogħol, u nkunu dejjem aktar preżenti biex nagħtu l-appoġġ tagħna mhux biss lill-ħaddiema, iżda wkoll lil min iħaddem.” 

“Żgur li l-sfida prinċipali hija li kulħadd għandu jgawdi l-istess pagi u kundizzjonijiet fil-post ta’ xogħol li jkun qed iwettaq il-ħidma tiegħu. Jekk verament nemmnu fil-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-xogħol tal-istess valur allura kulħadd għandu jaddotta dan il-prinċipju fil-postijiet tax-xogħol tagħna.   Għal General Workers’ Union mhuwiex aċċettabbli wkoll li għal skopijiet ta’ politika partiġġjana u rebħ ta’ xi punti politiċi jkun ipperikolat il-futur tal-postijiet tax-xogħol u tal-azjendi tagħna. Il-ħaddiema m’għandhom qatt jispiċċaw vittmi kollaterali f’manuvri biex ikun imminat it-tkabbir u suċċess ekonomiku.“