TOP


GWU

 

Il-GWU tikseb maġġoranza assoluta u għarfien ewlieni f’Identità Malta



20042018

Wara proċess ta’ verifika, il-General Workers’ Union kienet konfermata bħala l-union li għandha l-għarfien ewlieni f’Identità Malta. Skont dan il-proċess ta’ verifika, li sar mid-Dipartiment tal-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali, jirriżulta wkoll li l-GWU tgawdi appoġġ assolut fost il-ħaddiema li huma imsieħba f’union tal-għażla tagħhom.

Dan il-proċess inbeda aktar kmieni din is-sena wara li l-GWU talbet ir-rikonoxximent ewlieni f’Identità Malta. Minn dan il-proċess u mid-dokumenti kif ippreżentati minn Identità Malta, mill-GWU u mill-UĦM, jirriżultà li l-Union tirrappreżenta l-maġġoranza assoluta tal-impjegati f’din l-entità u għalhekk ingħatat l-għarfien uffiċjali bħala l-union li tista’ tinnegozzja b’mod kollettiv f’isem il-ħaddiema.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Jeremy Camilleri stqarr li dan l-għarfien huwa turija ta’ fiduċja fil-kapaċitajiet tal-GWU u apprezzament tal-ħidma li twettaq it-Taqsima. Huwa saħaq li għal daqstant il-GWU qed tħares ’il quddiem biex issaħħaħ r-relazzjoni mal-management ta’ din l-entità u dan bil-għan li jitjiebu kemm il-kundizzjonijiet tal-impjegati kif ukoll is-servizz mgħoti minn Identità Malta.