TOP


GWU

 

Il-GWU se tħarreġ 180 rappreżentant b'fondi mill-UE



21032018

Fit-tliet snin li ġejjin il-GWU se tħarreġ madwar 180 rappreżentant grazzi għall-proġett ko-finanzjat mill-UE.

F'dinja fejn il-'managements' huma professjonali, l-unjin trid li anke r-rappreżentanti tagħha fuq il-post tax-xogħol ikun mħarrġa b'mod professjonali biex ikun f'qagħda aħjar li jiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema.

Dettalji dwar dan il-proġett ingħataw mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fil-preżenza tal-President Victor Carachi, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u s-Segretarju tal-GWU Youths Kendrick Bondin.

Bugeja rrimarka li bħala parti mill-attivitajiet tal-għeluq tal-75 sena mit-twaqqif tagħha l-GWU riedet li ssaħħaħ l-assi tagħha li huma l-ħaddiema attivi fi ħdanha.

Kien għalhekk li ħejjiet il-proġett “Improving GWU Capacity for Better Social Dialogue” u applikat għal fondi Ewropej taħt il-Fond Soċjali Ewropew għas-snin 2014-2020. 

L-UE aċċettat il-proġett tal-GWU, li se jiswa madwar €48,000, u se tiffinanzja 80% tiegħu bl-20% l-oħra se jinħarġu mill-unjin. 

L-imsemmi proġett huwa mqassam fi tnejn b'taħriġ għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u ieħor għall-uffiċjali iktar għolja fi ħdan il-GWU.

Fl-ewwel wieħed se jingħataw taħriġ lil madwar 180 rappreżentant tal-ħaddiema b'60 fis-sena. Dawn se jiġu mqassma f'żewġ ċikli fis-sena ta' tliet xhur kull ċiklu. F'kull ċiklu se jattendu 30 rapprażentant maqsumin f'żewġ klassijiet.

It-taħriġ se jkun akkreditat fil-Livell 2 tas-sistema edukattiva f'pajjiżna u jinkludi suġġetti bħar-relazzjonijiet industrijali lokali u Ewropea, ftehim kollettiv, il-kommunikazzjoni, it-teknoloġija, negozjati f'livell bażiku, etika fix-xogħol, id-diversita fuq il-post tax-xogħol, ir-relazzjoni bejn l-ekonomija u d-djalogu soċjali, il-medjazzjoni u l-kunflitt u l-liġi industrijali.

Il-GWU se toħroġ sejħa għal dawk li jridu jgħallmu dawn is-suġġetti u wara joħorġu l-applikazzjonijiet għal dawk interessati li jattendu bit-taħriġ mistenni jibda jingħata għall-ħabta ta' Mejju li ġej.

Dawk li jlestu b'suċċess it-taħriġ lokali se jitilgħu Brussel għal esperjenza ta' ġimgħa mal-Konfederazzjoni tat-Trejd Unjins Ewropej (ETUC) li tagħha l-GWU hija membru affiljat.

It-taħriġ għas-segretarji w uffiċjali għolja se jkun jikkonsisti f'ħiliet fl-immaniġġjar u t-tmexxija, kif tidentifika individwi li kapaċi jirrappreżentaw lill-unjin, taħdit fil-pubbliku u l-liġi tax-xogħol lokali.

Il-GWU beħsiebha tifrex it-taħriġ għall-bqija tar-rappreżentanti mis-600 li għandha ħalli jkunu mħarrġa b'mod professjonali u b'hekk ikunu jistgħu jirrappreżentaw lilha u lill-ħaddiema membri bl-aħjar mod.