TOP


GWU

 

Il-GWU tisħaq aktar fiduċja fil-mara



08032018

Il-General Workers’ Union tħoss li f’soċjetà li tul dawn l-aħħar 40 sena rat bdliet kbar fl-emanċipazzjoni tal-mara, wasal iż-żmien li kulħadd juri aktar fiduċja fil-kapaċitajiet tal-mara. Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-Union tħoss li fl-isfond tal-kisbiet li saru f’dawn l-għexieren ta’ snin, huwa ferm importanti li s-soċjetà titgħallem tkun aktar miftuħa fejn ma tibqax tħares lejn il-ġeneru tal-persuna iżda lejn il-kapaċità. 

Għaldaqstant il-GWU temmen li biex is-soċjetà turi aktar fiduċja fil-kapaċitajiet u l-possibilitajiet tal-mara, l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-inizzjattiva u fil-qasam edukattiv iwarrbu kull forma ta’ stereotipi tal-imgħoddi. Il-Union tistqarr li biex is-soċjetà tikkumbatti l-barrieri li jżommu milli jseħħ aktar żvilupp, li l-ġenerazzjoni ta’ għada, sa minn ċkunitha, titrawwem tapprezza l-ħiliet u l-kapaċitajiet ta’ kull membru tas-soċjetà. M’għadux iż-żmien li nitrawwmu li xi ġeneru jew klassi ta’ persuna huma destinati biex jaqdu rwoli prestabbiliti. 
Fl-okkażjoni ta’ dan il-Jum, il-GWU tisħaq li l-mara jixirqilha taħtaf l-opportunitajiet li bi dritt għandha aċċess għalihom, għaliex għandha l-kapaċità daqs kwalunkwe individwu ieħor biex twettaq dak li hu mistenni. Il-Union tappella biex is-soċjetà Maltija tħares lejn il-futur għaliex is-suċċess tal-kisbiet tal-imgħoddi jiggarantixxu soċjetà aktar ekwa, miftuħa u solidali.