TOP


GWU

 

Josef Bugeja: ?It-tagħlim l-ikbar arma kontra l-fastidju sesswali?



05032018

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja ddeskriva t-tagħlim bħala l-ikbar arma li tista' tintuża kontra l-fastidju sesswali.

Huwa kien qed jindirizza konferenza dwar il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol li kienet organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

Bugeja rrimarka li jista' jkun hemm min ikun qed jagħti fastidju sesswali mingħajr ma jkun jaf.

Huwa qal li l-GWU ilha mill-2010 li għandha 'policy' dwar l-ugwaljanza u t-trattament fuq post xogħol li fiha kapitlu dwar il-fastidju sesswali.

Bugeja sostna li bħalissa dan qed jiġi emendat biex ikun jirrifletti l-liġi kif mibdula.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU wissa li madankollu rridu noqogħdu attenti għax ikun hemm każijiet li ma jkunux ġenwini u semma każ li seħħ meta kien għadu segretarju ta' waħda mit-taqsimiet fejn mara spiċċat għamlet rapport fuq kollega raġel u għalkemm irriżulta li ma kienx minnu t-trawma li għadda minnha baqgħet miegħu.

Huwa semma li daqskemm huwa diffiċli għal mara li titkellem dwar fastidju sesswali daqstant ieħor hija ikbar li jitkellem raġel li jispiċċa vittma minħabba l-kultura li teżisti u rrefera għal każ fejn raġel spiċċa jiddieħku bih sħabu stess għax tkellem dwar dak li għadda minnu.

Bugeja sostna li hija din il-kultura li rridu nindirizzaw ħalli min ikun vittma ta' fastidju sesswali ma jsibhiex daqshekk diffiċli jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu.

Waqt li lmenta kif il-proċess quddiem it-Tribunal Industrijali f'każijiet bħal dawn ġeneralment jieħdu fit-tul u ġieli anke s-snin, Bugeja enfasizza li l-importanti li l-'policies' dwar dan is-suġġett ma jibqgħux fuq il-karta imma jiġu attwati anke grazzi għal diskussjonijiet u taħriġ fost il-ħaddiema.