TOP


GWU

 

?Naħdmu fil-preżent biex il-futur ikun garantit?



26022018

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja iddikjara li l-ħidma li qed tagħmel l-unjin fil-preżent hija ntiża biex il-futur tagħha jkun garantit. Huwa stqarr dan waqt li kien qed jindirizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-GWU Youths. Bugeja qal li l-GWU għaddejja minn taqlib kbir u l-motto “Il-Futur Huwa Issa” li għażlet għall-75 sena mit-twaqqif tagħha ma ntagħżilx b'kapriċċ. Huwa qal li meta din l-amministrazzjoni bdiet tmexxi l-unjin sabet istituzzjoni b'saħħitha imma riedet tagħmilha iktar professjonali għax fid-dinja tal-lum jekk ma tkunx professjonali ħaddieħor ieħor 'l isfel lejk. Liż-żgħażagħ preżenti għal-laqgħa, Bugeja qalilhom li l-GWU qed taħdem mil-lum biex issaħħaħ il-futur tagħha u sostna li l-futur kien tagħhom waqt li irrimarka kif huwa jemmen ħafna fihom. Bugeja sostna li huwa jemmen li f'soċjeta neo-liberali hemm ħtieġa għall-unjins biex jiddefendu liċ-ċittadin u joħolqu bilanċ għas-sistema kapitalista. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU saħaq li huma jridu li l-unjin toffri karriera għaż-żgħażagħ interessati jaħdmu fiha u ħeġġiġhom biex jekk ikun hemm karigi li jridu jikkontestawhom jagħmlu dan. Huwa semma fost oħrajn kif il-GWU għadha kemm iffirmat is-sitt ftehim kollettiv li jittratta baħħar li mhux Maltin. Bugeja kompla jgħid liż-żgħażagħ preżenti li huwa bl-enerġija tagħhom li l-GWU ma tixjieħ qatt u semma kif f'għeluq il-61 sena tagħha il-Professur Godfrey Baldacchino kien staqsa jekk hux se tirtira imma llum l-unjin għadha hawn. Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied li l-amministrazzjoni preżenti qed taħdem biex tħejji l-bażi għaż-żgħażagħ biex għadha pitgħada jkunu huma li jmexxuha. Huwa ħeġġiġhom biex ma jħallu lil ħadd iwaqqafhom milli jimmiraw għal postijiet għolja fil-unjin. Bugeja rrimarka wkoll li jekk l-Universita hija l-post tal-ħassieba, il-GWU hija l-post tad-diskussjoni u nsista li l-futur taż-żgħażagħ fi ħdandha jibda issa. Il-Laqgħa Ġenerali Annwali kienet indirizzata wkoll fost oħrajn mis-Segretarju tal-GWU Youths Kendrick Bondin irrimarka kif fis-sentejn li ilu jokkupa din il-kariga mexxa tim ħabrieki ta' żgħażagħ li ħadmu b'dedikazzjoni kbira. Huwa semma kif matul l-2017 numru kbir ta' żgħażagħ resqu lejn il-GWU kemm jekk ħaddiema kif ukoll jekk studenti. Bondin irrefera għad-diversi attivitajiet li ħadet sehem fiha l-GWU Youths fosthom fl-organizzazzjoni ta' diversi konferenzi u korsijiet li ittrattaw suġġetti differenti. Huwa semma kif hija se tkompli torganizza seminars u attivitajiet li huma ibbażati fuq stħarriġ li l-istess taqsima għamlet fost iż-żgħażagħ biex tara x'jixtiequ minnha. Fost l-attivitajiet li se torganizza hemm konferenzi fuq l-integrazzjoni u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol. Bondin sostna li l-GWU Youths qed issemma leħinha grazzi għall-media soċjali u l-website uffiċjali tagħha u nsista li din is-sena jrid li jkollha aktar sehem fis-soċjeta ċivili. Is-Segretarju tal-GWU Youths irrefera għal-laqgħat tas-segretarji li jsiru ta' kull ġimgħa u sostna li minnhom induna kemm il-GWU hija ħajja madankollu saħaq li bħal kull ħaġa oħra ħajja għandha l-ostakli li jikbru f'dinja bħal tal-lum fejn l-individwaliżmu qed jikber fuq il-postijiet tax-xogħol.