TOP


GWU

 

Il-GWU tassigura li l-Gwardjani Lokali kollha jingħaqdu mal-LESA mill-1 ta’ Mejju



24022018

Wara xhur sħaħ ta’ taħdidiet bejn il-General Workers’ Union, il-kumpanija Guard & Warden Ltd, il-LESA u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ntlaħaq ftehim ta’ kif għandha ssir it-transizzjoni. Ġie maqbul li kull Gwardjan Lokali liċenzjat li llum qed jagħti s-servizz tiegħu mal-kumpanija Guard & Warden mill-1 ta’ Mejju li ġej se jiġi trasferit u jingħaqad mal-aġenzija LESA bil-kundizzjonijiet kollha li qed igawdi bħalissa.

Dan ifisser li indipendentament minn meta dawn il-ħaddiema daħlu jaħdmu bħala Gwardjan Lokali b’ebda mod mhu se jsofri minn xi implikazzjonijiet legali, ekonomiċi u/jew soċjali negattivi b’riżultat ta’ dan it-trasferiment. Iffisser ukoll li l-ftehim kollettiv li kien iffirmat mal-kumpanija Guard & Warden Ltd se jibqa’ jiġi onorat sakemm isir ftehim kollettiv ieħor mal-LESA.

Fil-ġranet li ġejjin il-GWU, bħala l-Union li għandha l-għarfien ewlieni tal-Gwardjani Lokali, se tagħmel sejħa fost il-Gwardjani Lokali membri tagħha biex jibdew jiġu mfassla l-proposti għall-ftehim settorjali ġdid li eventwalment jiġu preżentati lill-LESA. In-negozjati għall-ftehim li permezz tiegħu l-Gwardjani Lokali se jingħaqdu mal-LESA kienu mmexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja u mis-Segretarji Charles Galea u Theo Vella.