TOP


GWU

 

F’Palumbo: ?Irid jieqaf it-theddid fuq il-ħaddiema?



03022018

“Irid jieqaf it-theddid fuq il-ħaddiema li jaħdmu fit-Tarzna ta’ Palumbo, liema theddid isir sempliċiment għax dawn l-istess ħaddiema ikunu resqu għal protezzjoni tal-General Workers Union (GWU).  Qed nitolbu lil operatur tat-tarzna biex ipoġġi madwar mejda u niddiskutu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Jekk dan mhux se jsir mhux se jkollna triq oħra għajr dik li jinħareġ avviż ta’ tilwima industrijali”.

Dan iddikjarah is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU) Josef Bugeja wara li l-istess GWU fakkret lil dawk li kienu mietu fit-traġedja tal-Um El Faroud, liema traġedja ħasdet il-ħajja ta’ 9 ħaddiema..

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja iddikjara li “bħalissa għandna kwistjoni mat-tarzna ta’ Palumbo. Aħna qed ngħidulu biex jirrispetta id-demokrazija industrijali.  Il-GWU għandha ufficjalment ir-rikonoxximent biex tirrappreżenta lil dawn il-ħaddiema. Qed inwissu lil Palumbo biex jew ipoġġi madwar il-mejda u niddiskutu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’qafas ta’ ftehim kollettiv jew inkella ikun qed jistenna li l-GWU tagħti avviż ta’ tilwima industrijali bil-konsegwenza li jittieħdu azzjonijiet industrijali skont il-ħtieġa u skont dak kollu li ttina l-liġi ta’ Malta. Aħna hawnhekk f’Malta għandna proċessi u prassi li niddiskutu u nitkellmu kif titlob id-demokrazija u qed nitolbu lill-operatur biex ipoġġi madwar medja u jiddiskutu. Qed ngħidu ukoll li jrid jieqaf it-theddid fuq il-ħaddiema għal dawk li jersqu għand il-GWU.”


Il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fl-anniversarju mit-traġedja tal-Um El Faroud waqt ċerimonja ta' tifkira llum filgħodu fuq il-mafkar f'Bormla.

Mingħajr ix-xogħol... il-mewt

Illum ninsabu miġbura hawn biex insellmu u nagħtu ġih il-memorja ta’ disa’ ħaddiema tat-Tarzna ta’ Malta li ħallew ħajjithom f’wieħed mill-agħar traġedji fuq il-postijiet tax-xogħol li qatt seħħew f’pajjiżna. Kien proprju bħal-lum 23 sena ilu li Malta nħasdet bl-aħbar li l-bastiment Libjan li kien jinsab fit-tarzna għat-tiswija sploda u ħasad il-ħajjiet ta’ disa’ minn sħabna… ħutna ħaddiema… li dakinhar kienu qed jaħdmu fuqu biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom. 

Kienet traġedja li ħalliet impatt mhux biss fuq il-qraba tal-vittmi, fuq il-ħaddiema li weġġgħu fl-inċident u li baqgħu ħajjin, iżda wkoll fuq il-kumplament tal-ħaddiema tat-Tarzna, kif ukoll fuqna… bħala General Workers’ Union… li nafu t-twelid tagħna mill-ħwienet tax-xogħol u mill-uffiċini li jinsabu ftit metri bogħod minn hawn. 

Kien żmien ta’ dwejjaq u dieqa kbira. Iżda minkejja dan il-ħaddiema tat-Tarzna reġgħu rritornaw fuq il-post tax-xogħol tagħhom, biex jaqilgħu l-għajxien. Dakinhar kienu ċerti mis-sostenn ta’ xulxin biex din it-traġedja ma taqtalhomx qalbhom u jkomplu b’ħidmiethom. 

Sena wara l-oħra niftakru f’din it-traġedja u nġeddu l-memorja ta’ dawn il-martri. Il-ħsibijiet tagħna ma jmorrux biss għal dawk il-familji li tilfu lill-maħbubin tagħhom, iżda jmorru wkoll għal dawk il-familji li xi darba jew oħra tilfu lil xi ħadd waqt ħidmietu. 

Din it-traġedja titlob minna biex inkunu dejjem aktar viġilanti dwar il-periklu fuq il-postijiet tax-xogħol. Titlob lill-awtoritajiet li jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jiżgura li f’pajjiżna jiġu nfurzati prattiċi tajba li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Iżda wkoll titlob minn min iħaddem li jġorr ir-responsabbiltà li jassigura li l-lant tax-xogħol ikun ħieles mill-perikli u mħares kif meħtieġ. 

Però fuq kollox ukoll jiddependi minn kemm il-ħaddiema jagħrfu l-periklu u jiffaċċjaw l-isfidi biex jgħelbuh. Illum it-Tarzna ta’ Malta kif nafuha u kif niftakruha m’għadhiex hawn. Għaddiet f’idejn operaturi barranin, li qed jagħmluha diffiċli biex il-ħaddiema jgawdu minn rappreżentanza trejdunjonistika ħielsa u ġusta. Il-ħaddiema qed jaraw logħob biż-żmien u tkaxkir tas-saqajn biex, aħna bħala GWU, inkunu nistgħu nitkellmu f’isimhom u għalihom. Din il-kwistjoni issa ilha għaddejja s-snin. Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin b’dan il-mod. Fin-nofs hemm il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u demokrazija industrijali. 

Lill-ħaddiema nqawwilhom qalbhom billi nassigurawhom li bħala GWU mhux se nħalluhom waħedhom. Se nibqgħu naħdmu sakemm fl-aħħar tasal il-ġurnata li jkollhom is-serħan il-moħħ li fix-xogħol tagħhom igawdu minn kundizzjonijiet dinjitużi. Nappellalhom biex bħal sħabhom fl-imgħoddi, jibqgħu magħqudin, u jippersistu fil-mixja ġusta tagħhom.