TOP


GWU

 

Il-GWU u l-IMLI f'ħidma mill-qrib



31012018

Il-GWU u l-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali (IMLI) qed jaħdmu mill-qrib bejniethom u teżisti l-possibilita li l-unjin toffri korsijiet bl-Ingliż lil studenti li jattendi l-imsemmi istitut.

Dan ħareġ waqt żjara li delegazzjoni tal-GWU għamlet fil-binja tal-IMLI li tinsab ħdejn l-Universita ta' Malta fejn iltaqgħet mad-direttur tagħha, il-Professur David Attard.

Id-delegazzjoni tal-GWU kienet iffurmata mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u Paul Falzon li huwa r-rappreżentant tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Trasport (ITF) li magħha l-imsemmija unjin hija affiljata.

Wara diversi snin, l-ITF reġgħet bdiet toffri lill-IMLI li tisponsorja studenti li jattendu f'dan l-istitut li joffri taħriġ fil-liġi internazzjonali marittima lil studenti barranin.

L-IMLI twaqqaf fl-1988 wara ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) u matul is-snin ħarrġet mijiet ta' studenti minn għadd ta' pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

Numru ta' studenti jkunu mibgħuta minn gvernijiet waqt li ħafna oħra kienu studenti tal-liġi li wara li iggradwaw speċjalizzaw fil-liġi internazzjonali marittima u llum jokkupaw karigi għolja kemm fi ħdan il-gvernijiet ta' pajjiżhom u anke fl-IMO stess.

Matul iż-żjara, id-delegazzjoni tal-GWU ltaqgħet mal-istudenti barranin li qed isegwu wieħed mill-korsijiet offruti mill-IMLI li jibdew minn diplomas għal Masters.