TOP


GWU

 

Il-GWU tordna azzjonijiet fil-Wasteserv



29012018

Wara li l-management tal-Wasteserv baqa’ jkaxxkar saqajh, il-General Workers’ Union biex tikseb dak li hu bi dritt tal-ħaddiema msieħba tagħha kellha tordna azzjonijiet industrijali f’din l-entità. L-azzjonijiet huma dwar allowances li ma tħallsux lil ħaddiema għal xogħol li wettqu. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat stqarr li din mhux l-ewwel darba li l-GWU kellha tieħu dan il-pass: “Il-Union ilha sa minn Awwissu li rreġistrat tilwima industrijali ma’ Wastserv Ltd dwar dawn l-allowances, u nuqqasijiet oħra fil-pagi tal-ħaddiema, li b’konsegwenza ta’ hekk il-management talab li jinbdew id-diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni. Biss issa wara daqstant ġimgħat u xhur il-management għal raġuni jew oħra naqas milli jagħti lill-ħaddiema dak li hu tagħhom bi dritt.” Min-naħa tagħha il-GWU nfurmat ukoll lill-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima bis-sitwazzjoni preżenti fejn wera r-rieda li jintervjeni biex jissolvew dawn in-nuqqasijiet.

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat tenna li issa spiċċa iż-żmien li l-management joqgħod ikaxxkar saqajh: “Jekk il-ħaddiema involuti mhumiex se jirċievu l-allowances dovuti, il-GWU mhux qed teskludi li teskala l-azzjonijiet fil-Wasteserv.”