TOP


GWU

 

Il-GWU bi ftehim kollettiv ġdid għal gradi ta’ superviżjoni u tekniċi ta’ Foster Clark



27012018

Il-General Workers’ Union u l-kumpanija Foster Clark iffirmaw ftehim kollettiv ġdid li permezz tiegħu mhux biss qed jitjiebu l-kundizzjonijiet bażiċi tal-ħaddiema u ristrutturar tal-gradi tal-ħaddiema fil-gradi ta’ superviżjoni u tekniċi, iżda ġabet ukoll żidiet sostanzjali fil-pagi tal-imsemmija gradi. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel tal-GWU Kenny Muscat stqarr li t-titjieb li sar fil-kundizzjonijiet u l-pagi kienu maħsuba biex il-kumpanija tkun aktar kompetittiva fis-suq tax-xogħol u tattira lejha talenti ġodda. Barra minn hekk kien ftehim li permezz tiegħu l-ħaddiema preżenti fil-gradi involuti – Superviżjoni, Storekeepers, Quality Controllers u Tekniċi - ikunu huma wkoll parteċipi fis-suċċess li rnexxielha tikseb Foster Clark. Tenna li l-ftehim kollettiv ġdid, li jkopri l-2016 u l-2018, juri biċ-ċar il-kollaborazzjoni li teżisti bejn il-GWU u l-kumpanija u kif din l-istess koperazzjoni kienet importanti biex l-istess kumpanija ssaħħaħ l-esportazzjoni tal-prodotti tagħha u ttejjeb l-kwalità tas-servizz li tagħti: “Kien għalhekk li nħass il-bżonn ta’ aktar investiment fil-ħaddiema.”

Min-naħa tagħha l-kumpanija tistqarr li filwaqt li tapprezza l-kontribut tal-ħaddiema eżistenti, tħoss li permezz ta’ dan il-ftehim eżistenti se tkompli tattira aktar ħaddiema ta’ talent biex ikunu parti mill-ħidma tagħha.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kenny Muscat u mir-rappreżentant Ian Gouder. F’isem il-kumpanija l-ftehim kien iffirmat mill-Kap tar-Riżorsi Umani Stephen Vella.