TOP


GWU

 

Il-GWU tikseb fond għall-pensjoni għall-ħaddiema ta’ Siegfried



13012018

Permezz ta’ ftehim kollettiv maqbul bejn il-General Workers’ Union u l-kumpanija Siegfried ġie mifthiem li għandu jitwaqqaf fond għall-pensjoni għall-ħaddiema ta’ din il-kumpanija. Permezz ta’ dan il-ftehim il-kumpanija Siegfried se tkun qed tħallas parti mill-premium tal-ħaddiema għall-din l-iskema ta’ pensjoni privata. Din hija l-ewwel darba li f’pajjiżna ntlaħaq ftehim ta’ din ix-xorta. 

Is-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU Rita Dimech qalet li dan il-ftehim kollettiv huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li l-kumpanija internazzjonali Siegfried qatt iffirmat għall-ħaddiema tagħha f’xi pajjiż fejn topera. Dan il-ftehim għal daqstant juri s-serjetà u l-impenn tal-Union biex taħdem attivament ħalli l-kumpanija tkompli ttejjeb il-ħidma tagħha f’Malta. 
Dimech saħqet li l-ftehim kollettiv jaħseb ukoll biex jiddaħħlu aktar miżuri u kundizzjonijiet favur il-familja, fosthom ingħatat attenzjoni kbira f’dawk li għandhom x’jaqsmu leave għall-adozzjonijiet u trattamenti tal-IVF, leave speċjali għall-studju u eżamijiet, kif ukoll ġiet stabbilita struttura tal-paga li permezz tagħha ġew rranġati diversi anomaliji fis-salarji tal-impjegati. 
“Għaldaqstant nemmnu li dan il-ftehim kollettiv se jgħin biex il-ħaddiema jħossuhom aktar parteċipi mill-ħidma tal-kumpanija u b’hekk jitjieb ukoll is-servizz li l-istess kumpanija tagħti lill-klijenti tagħha,” saħqet Dimech. 
Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija Rita Dimech u Shop Stewards Mark Magro u Simon Stafrace. F’isem il-kumpanija il-ftehim kollettiv kien iffirmat minn Arnoud Middel li huwa l-Global Head Human Resources, Carmen Doran Site Head u Louis Azzopardi Head HR.