TOP


GWU

 

Air Malta: Ftehim Kollettiv Suċċess



10012018

“Suċċess. Wasalna għall-ftehim b’approvazzjoni ta’ 88% tal-membri. Minbarra dan l-arranġament wasalna wkoll għal ftehim biex nagħtu l-early retirement scheme jew volountary early retirement scheme, il-garanzija tat-take on pay u garanzija għal min jixtieq imur mal-Gvern.”

Dan saħqu s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja f’kummenti li għaddielna wara l-iffirmar tal-ftehim li sar bejn il-kumpanija Air Malta u l-GWU, li se jwassal biex il-ħaddiema membri tal-unjin fi ħdan il-kumpanija jkollhom kundizzjonijiet aħjar għall-ħames snin li ġejjin. 
Grazzi għal dan il-ftehim se jkun hemm titjib fil-pagi kif ukoll se tingħata aktar flessibilità għall-ħaddiema ta’ diversi dipartimenti u sezzjonijiet fosthom tal-finanzi, commercial, human resources, corporate services, IT, engineering u flight operations inkluż dawk li jaħdmu fl-out-stations u li huma koperti bil-ftehim kollettiv bejn l-Air Malta u l-GWU. 
Bugeja fakkar li l-aħħar ftehim kollettiv li kien iffirmat għall-membri tal-unjin sar fl-2004 u għaldaqstant “ridna nagħtuhom stabbilità li kien ilhom ma jħossuha.”
“Permezz ta’ dan il-ftehim, għandhom serħan il-moħħ u jafu x’hemm stabbilit. Kienet ħidma kollettiva. Daħħalna l-kunċett tal-flessibilità għax nemmnu li l-akbar riżors li għandha l-Air Malta huwa l-ħaddiema,” żied jgħid Bugeja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU spjega li teżisti motivazzjoni kbira fost il-ħaddiema u qal li dawn qegħdin jemmnu fit-tmexxija u l-futur tal-Air Malta. Huwa kompla billi rringrazzja fost l-oħrajn lill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, il-membri kollha tal-Kumitat kif ukoll lil Sandro Vella, Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni, li kien katalist wara dan il-ftehim.
Dan kien it-tieni ftehim kollettiv li l-GWU ffirmat mal-Air Malta f’temp ta’ ftit ġimgħat, wara li f’Diċembru li għadda ffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-ground handling u tar-rampa.

https://www.facebook.com/GWU.TU.Malta/videos/732714010252682/