TOP


GWU

 

Maħtur is-Segretarju Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU



19122017

Theo Vella ġie maħtur Segretarju Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi. Din hija taqsima ġdida li twaqqfet wara li f’Ottubru li għadda s-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja ħabbar li l-GWU se tagħmel tibdil biex dejjem ittejjeb is-servizz tagħha għall-ġid tal-ħaddiema. Din it-taqsima ser tinkorpora fiha l-uffiċjali tas-sigurtà, il-gwardjani lokali, l-uffiċjali tad-detenzjoni, l-uffiċjali korrettivi, il-Protezzjoni Ċivili u anke ż-żewġ unjins tal-Korpi Dixxiplinati affiljati magħha ċioè dik tal-Pulizija (POU-GWU) u dik tal-Armata (AFU-GWU).

Vella involva ruħu fit-trejdunjoniżmu immedjatament malli għaddiet il-liġi li membri tal-Forzi Dixxiplinati setgħu jissieħbu fi trejd unjin tal-għażla tagħhom fi Frar tal-2015. Huwa kien wieħed mis-seba’ (7) fundaturi tal-Police Officers’ Union (POU) li ġiet irreġistrata bħala trejd unjin ftit xhur wara li għaddiet il-liġi. F’Marzu 2016 Vella ġie ssekondat fil-GWU u beda jaħdem full-time fit-trejdunjoniżmu, attenda diversi taħriġ fl-istitut tat-trejd unjin Ewropew (ETUI) u ħa sehem f’diversi konferenzi dwar ir-relazzjonijiet Industrijali għan-nom tal-GWU fuq livell Ewropew.

F’Mejju 2017 Vella ġie nnominat u approvat mill-konferenza biennali bħala Assistent Segretarju responsabbli mill-Korpi Dixxiplinati fi ħdan il-GWU. Fil-Konferenza Nazzjonali t’Ottubru 2017 is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja ħabbar li se titwaqqaf it-Taqsima Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi. Wara li nfetħu n-nomini b’sejħa pubblika għall-kariga ta’ Segretarju ta’ din it-taqsima, Vella tefa’ n-nomina tiegħu u ġie maħtur biex jokkupa din il-kariga waqt laqgħa straordinarja li saret fid-19 ta’ Diċembru 2017 ġewwa l-Workers’ Memorial Building fejn ġie approvat mid-delegati tat-taqsima.

Bejn l-1992 u l-1995 huwa ħadem fil-qasam tas-sigurtà f’diversi stabbilimenti tad-divertiment partikolarment f’Paceville. F’Diċembru tal-1995 daħal fil-Korp tal-Pulizija fir-rank ta’ Kuntistabbli fejn ġie stazzjonat fit-taqsima Forensika tal-Korp tal-Pulizija. F’Marzu tal-1996 ikkwalifika bħala Scene of Crime Officer fejn għal aktar minn 20 sena ta s-servizz tiegħu bħala uffiċjal tax-xena tar-reat fuq diversi delitti serji u kien jiġi appuntat bħala espert tal-Qorti f’diversi inkjesti Maġisterjali. F’Ottubru tal-2001 ġie promoss għar-rank ta’ Surġent wara li wettaq b’suċċess taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija. 

F’kummenti li tagħna Vella saħaq li huwa konxju li l-isfidi f’dan is-settur huma kbar, iżda sostna li huwa determinat jidħol għal din l-isfida b’enerġija kbira. Saħaq li minkejja li fit-trejdunjoniżmu ilu biss ftit inqas minn tliet snin, is-sitta u għoxrin sena fid-dinja tax-xogħol f’dan is-settur se tgħinu jifhem aħjar id-diffikultajiet li jiffaċċjaw dawn il-ħaddiema. Qalilna li l-mod kif ġiet komposta din it-taqsima jagħmel ħafna sens u minkejja li s-setturi li ser jaqgħu taħtu huma differenti minn xulxin, xorta waħda hemm fatturi komuni bejniethom. 

Vella rringrazzja lil dawk kollha li inkoraġġewh jidħol għal din il-kariga u wiegħed li ser jagħti dak kollu li jaf sabiex jissalvagwardja u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li ser ikunu membri tal-GWU taħt ir-responsabbilità tiegħu. Huwa rringrazzja wkoll lil dawk il-ħaddiema kollha li jaqsmu l-esperjenzi tad-diffikultajiet li jgħaddu minnhom fuq il-postijiet tax-xogħol miegħu u ħeġġeġ sabiex aktar ħaddiema f’dan is-settur jersqu ’l quddiem u jissieħbu fil-GWU. Fl-aħħar irringrazzja lill-familja tiegħu, partikolarment lill-mara tiegħu tal-appoġġ kollu li ttih, u saħaq li fit-trejdunjoniżmu ftit li xejn jispiċċa jkollok ħin liberu u għalhekk l-appoġġ tal-familja huwa l-pedament tas-suċċess kollu.

Vella saħaq li l-bieb tiegħu miftuħ għall-ħaddiema kollha li jaħdmu f’dan is-settur u appella biex dawk li jixtiequ jiltaqgħu miegħu jagħmlu kuntatt l-unjin fuq 25679200 fejn jistaqsu għalih u jħallu d-dettalji tagħhom biex jikkomunika magħhom aktar tard jew jibagħtu email direttament lilu fuq tvella@gwu.org.mt.